Ordnata tħallas €37,000 talli ma radditx il-flus ta’ ħanut

Eks maniġer ta’ ħanut tal-ħwejjeġ illum kienet ordnata tħallas €36,789.40ċ talli ma tatx lis-sid il-flus tad-dħul mill-bejgħ. 
Nicola Winter ħadmet għal Marthese Abela bejn l-2009 u l-2012 sakemm ħolqot websajt mingħajr l-approvazzjoni tas-sid. 
Minn ftit wara, is-sid qalet li bdiet tinnota li ta’ kuljum kienu qed jonqsu l-flus u f’Ġunju 2012 l-impjegata ffirmat karta li se tieħu responsabiltà tad-differenza fil-flus u li kienet se tħallas €58,275. 
Iżda Winter ċaħdet li ffirmat li se tħallas dik is-somma u qalet li l-karta ffirmata kienet tgħid li bħala maniġer tal-ħanut, kienet lesta terfa’ responsabbiltà ġaladarba l-akkużi jkunu veri. 
Qalet li hi qatt ma ammettiet li serqet il-flus u ħasbet li l-ammont kien ta’ €2,700. 
Mill-evidenza li tressqet il-Qorti, irriżulta li huwa minnu li l-akkużata ma ddepożitatx il-flus kollha tal-ħanut u kienet ordnata tħallas €36,789.40ċ lil sid il-ħanut.