Sekwestrati l-assi ta’ Keith Schembri u Nexia BT fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus

Aġġornat 01:21 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Imħallef Edwina Grima ordnat sekwestru tal-assi tal-eks chief of staff ta’ Joseph Muscat Keith Schembri u ta’ nies affiljati mal-kumpanija Nexia BT, hekk kif ikkonkludiet li hemm raġunijiet biżżejjed ta’ suspett li huma ħatja ta’ ħasil ta’ flus.

L-ordni tal-Imħallef, li sar fuq rikjesta tal-Avukat Ġenerali, jikkonċerna aktar minn 40 persuna u numru mhux żgħir ta’ kumpaniji.

Il-lista’ ta’ persuni tinkludi lil Schembri, Malcolm Scerri, Simon Poulton u Robert Bondin Carter mill-kumpanija tiegħu Kasco. Tinkludi wkoll lil Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna, Anton Dalli, Luke Cann, Katrina Bondin Carter u Pierre Fiorentino min-Nexia BT, kif ukoll il-familjari tal-persuni msemmija.

L-Imħallef Grima qalet li taqbel mal-Avukat Ġenerali mhux biss li hemm raġunijiet biżżejjed biex tissuspetta li l-persuni u kumpaniji konċernati huma ħatja ta’ ħasil tal-flus, kif ukoll li l-materjal li għalih tirreferi t-talba x’aktarx tkun ta’ siwi sostanzjali għall-investigazzjonijiet li għaddejjin.

B’hekk ordnat li l-pulizija tingħata l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja tal-persuni u kumpaniji konċernati, sekwestru ta’ flejjes, kontijiet u assi oħra tagħhom u tipprojbixxi li jittrasferixxu jew jiddisponu b’xi proprjetà.

Il-Ħadd li ghadda, is-Sunday Times of Malta rrapurtat li Nexia BT kienet qed tippjana li tittrasferixxi ħafna mill-operat tagħha għal għand kumpanija oħra, pjan li ma jistax iseħħ sakemm l-ordni tal-qorti tibqa’ attiva.

Ir-rikors tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg sar wara l-konklużjoni ta’ inkjesta maġisterjali fuq allegazzjonijiet li Schembri xxaħħam minn fuq il-bejgħ tal-passaporti, b’Tonna jgħaddilu €100,000 fil-kont tal-bank. Buttigieg irrifjutat li tippublika l-inkjesta, deċiżjoni li ġiet ikkritikata minn Pieter Omtzigt, it-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u fuq is-saltna tad-dritt f’Malta.

‘Il-box files ma kinux vojta’ – Simon Busuttil

F’reazzjoni qasira għall-aħbar, l-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil semma kif “wara tliet snin u nofs ta’ tgħajjir, theddid u attakki, ż-żejt tela f’wiċċ l-ilma.”

“Illum kulħadd jaf: il-box files ma kinux vojta,” żied Busuttil, b’riferenza għall-box files ta’ provi li kien ippreżenta f’Mejju tal-2017.

WARA TLIET SNIN U NOFS ta' tgħajjir, theddid u attakki, iż-żejt tela' f'wiċċ l-ilma. Illum kulħadd jaf: Il-box files ma kienux vojta. VIVA MALTA INDIPENDENTI!

Posted by Simon Busuttil on Monday, September 21, 2020

L-aħbar intlaqgħet tajjeb ukoll minn Matthew Caruana Galizia, iben Daphne.

“Resqin ‘il quddiem minkejja l-gvern kriminali tagħna, u mhux b’riżultat tiegħu,” insista.

All assets belonging to Keith Schembri, his wife Josette, his daughters bar one, Nexia BT and its partners including…

Posted by Matthew Caruana Galizia on Monday, September 21, 2020

L-MP Jason Azzopardi, wieħed mill-avukati tal-familja Caruana Galizia, fakkar li kien ilu mill-2017 jisfida lill-eks Avukat Ġenerali Peter Grech biex joħroġ l-ordni tal-iffriżar.

Ghalkemm kien tajjeb li l-ordni ħarġet fl-aħħar, dan sar 3 snin tard “għax Peter Grech għattielu,” żied jgħid Azzopardi.

Kont ilni mill-2017 pubblikament nisfida lil Peter Grech biex japplika ‘l Qorti sabiex jinhareg ordni ta’ iffrizar fuq…

Posted by Jason Azzopardi on Monday, September 21, 2020

Min-naħa tiegħu, Omtzigt qal li jittama li dan il-pass u sinjal ta’ determinazzjoni ġdida biex jiġu ndirizzati allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’Malta.

Il-ġlieda se tkompli – Repubblika

Fir-reazzjoni tagħha, l-għaqda Repubblika tenniet li l-ġlieda għall-verità u għall-ġustizzja se tkompli, u qalet li tiftakar partikolarment f’Daphne Caruana Galizia, “li spiċċat assassinata għaliex riedet Malta nadifa ħielsa mill-ħmieġ tal-korrotti.”

Hi fakkret li ma kinitx se taċċetta li l-Prim Ministru Robert Abela jindaħal fl-inkjesta pubblika u indipendenti li għaddejja dwar tr-responsabbiltà tal-Istat fil-qtil tagħha.

Fakkret ukoll li għal żmien twil, kien hemm min fixkel jew m’għamilx dmiru fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u esprimiet it-tama mhux tard wisq biex issir ġustizzja sħiħa.

“Dak li ġara llum huwa biss pass wieħed lejn dak li ilna snin niġġieldu għalih,” qalet l-għaqda. “Repubblika mhux ser tieqaf qabel kulħadd iġorr ir-responsabbiltà għal dak li għamel jew dak li naqas li jagħmel.”

Delia, Grech jilqgħu l-aħbar

L-aħbar ġiet milqugħa wkoll mill-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-avukat Bernard Grech, il-kandidat l-ieħor għat-tmexxija tal-partit fl-elezzjoni li se ssir f’Ottubru.

Delia qal li l-ġlieda tal-partit biex ineħħu “Avukat Ġenerali korrott” qed tibda tagħti l-frott, u li jeħtieġ li jibqgħu jinsistu sabiex kulħadd iħallas għal għemilu u ssir ġustizzja.

Il-ġlieda tagħna biex inneħħu l-Avukat Ġenerali korrot qed tibda tagħti l-frott. Jeħtieġ nibqgħu ninsistu sabiex iħallsu…

Posted by Adrian Delia on Monday, September 21, 2020

Grekk qal li wara “snin ta’ korruzzjoni, snin ta’ gideb u snin ta’ gvern li ried jinganna lill-poplu tiegħu stess,” il-verita fl-aħħar qed tilħaq lil Schembri, “-id il-leminija ta’ Prim Ministru li mexxa gvern li kien magna ta’ korruzzjoni.”

Hu nsista li l-iffrizar tal-assi messu ilu li seħħ, u li messu ilu li seħħ ukoll fuq Konrad Mizzi.

Qal li l-protesti tas-soċjetà ċivili tas-sena li għaddiet, li wasslu għar-riżenja ta’ Joseph Muscat, kienu kruċjali, u wiegħed li jekk isir kap tal-PN, il-partit ikun fuq quddiem nett fil-ġlieda għal ġustizzja.

Snin ta' korruzzjoni, snin ta' gideb u snin ta' Gvern li ried jinganna lill-poplu tiegħu stess. Il-verità fl-aħħar qed…

Posted by Bernard Grech on Monday, September 21, 2020