Ordnat ma jersaqx għal sentejn lejn il-kandidat li aggredixxa

Ir-raġel li aggredixxa lill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-Partit Demokratiku Charles Polidano ġie ordnat mill-Qorti sabiex ma jersaqx lejh għal sentejn. Intant fuq Facebook Polidano sostna li l-Qorti ddeċidiet mingħajr ma semgħet ix-xhieda tiegħu.

Jack Azzopardi ta’ 32 sena mill-Qrendi tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli dalgħodu akkużat li hedded u darab ħafif lil Polidano. Hu ġie akkużat ukoll li kkawża dannu fuq il-karozza ta’ Polidano u li kiser il-paċi pubblika.

Fil-Qorti ħareġ li Azzopardi attakka lil Polidano wara li dan tal-aħħar ikkuntattja lil ommu sabiex din tiffirma rakkomandazzjoni għall-kandidatura tiegħu. Instema’ kif il-mara li ma tafx taqra u tikteb iffirmat il-karta s-Sibt li għadda. Wara dan, Polidano rċieva numru ta’ telefonati mimlija theddid mill-akkużat li wasslu sabiex it-Tnejn jispiċċa aggredit fiżikament. Filwaqt li ndarab ħafif, il-karozza ta’ Polidano sofriet €538 f’dannu.

Aqra: Aġġornata: Kandidat tal-PD aggredit quddiem daru – PD

Id-difiża argumentat li Azzopardi ħadha daqshekk bi kbira għax ommu hija persuna vulnerabbli. Qal li meta Polidano tkellem ma’ ommu, qalilha li hu kien kandidat tal-Partit Laburista u mhux tal-Partit Demokratiku.

Fil-Qorti, Azzopardi wieġeb ħati u ngħata l-ħelsien fuq kundizzjonijiet għal sentejn, filwaqt li ħarġet ukoll protezzjoni ta’ sentejn favur Polidano. Hu ntalab ukoll iħallas għad-dannu fi żmien sitt xhur.

Aktar tard matul il-ġurnata, Polidano wera d-diżappunt tiegħu li ma ntalabx ikun preżenti għas-smiegħ tal-kawża u lanqas ma ntalab jagħti x-xhieda tiegħu. Tenna li kien il-missier tal-akkużat li staqsa lill-mara sabiex tiffirma r-rakkomandazzjoni ta’ Polidano hekk kif dan huwa ħabib tiegħu. Insista li l-mara kienet konxja kompletament li kienet qed tiffirma rakkomandazzjoni ta’ kandidat tal-Partit Demokratiku.