Ordnat isib post alternattiv għal 12-il kelb u 25 qattus

Il-Qorti ordnat lil raġel li kien qed iżomm 12-il kelb u 25 qattus fid-dar tiegħu fil-Marsa biex isibilhom post ieħor alternattiv.
Ir-raġel, li għandu 53 sena, ġie mmultat ukoll €100. Is-sentenza tal-Qorti waslet wara li l-ġirien ressqu bosta lmenti minħabba l-ħmieġ, ir-riħa u l-ħsejjes li dawn l-annimali kienu qed jagħmlu.
Il-ġirien sostnew li kienu waslu f’sitwazzjoni fejn ma setgħux jiftħu t-twieqi minħabba r-riħa u l-inbiħ tal-klieb.
Ir-raġel instab ħati wkoll li kien qed jarmi l-iskart fit-triq u li naqas milli jwaqqaf l-annimali milli jdejqu lill-ġirien.
Il-Qorti ordnat lir-raġel biex l-annimali jitneħħew mir-residenza fi żmien tliet xhur.