Ordnat iħallasha €136,000; seta’ qatilha f’inċident 10 snin ilu

Miguela Xuereb

Il-Qorti ordnat li Mohammed Abdullah Mohammed u l-kumpanija tal-assigurazzjoni Mapfre Middlesea plc sabiex bejniethom iħallsu €135,933 f’danni lil mara Spanjola li spiċċat kważi tilfet ħajjitha wara li ttajret minn vettura fl-2010.

Dan ħareġ fid-deċiżjoni ta’ rikors data għall-15 ta’ Settembru tal-2014. Ir-rikors kien dwar l-inċident li seħħ fis-27 ta’ Novembru tal-2010 meta Inmaculada San Jose Vega kienet btala f’Malta flimkien ma’ sħabha. Għall-ħabta tas-7am hi kienet involuta f’inċident fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. Hi kienet miexja fuq il-bankina u ttajret wara li Mohammed tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu, rikeb il-bankina għolja u laqat lill-vittma. Hi spiċċat midruba serjament.

Fil-Qorti ħareġ kif ir-raġel kien taħt l-effett tal-alkoħol fil-ħin tal-inċident, kien qed isuq b’veloċità eċċessiva, bla kont u b’mod perikoluż u negliġenti.

Ir-raġel kien tressaq u ġie akkużat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali). Hu kien instab ħati permezz ta’ sentenza maħruġa fit-30 ta’ Mejju tal-2011. Hu kien intbagħat il-ħabs.

Fil-Qorti kien ippreżentat rapport mediku li juri li kawża ta’ dan l-inċident, il-mara ġarrbet dawn il-ġrieħi:

  • Ksur tal-femur tax-xellug
  • Ksur tat-tibia u fibula tax-xellug
  • Ksur miftuħ tat-tibia tal-lemin
  • Ksur tal-għaksa tal-lemin, u
  • Ksur tal-polz tax-xellug

Hi kellha tagħmel diversi operazzjonijiet kemm biex jiġu kkurati l-ġrieħi li kellha kif ukoll problemi oħra li tfaċċaw b’riżultat tal-operazzjonijiet. Hi għadha tilmenta minn uġigħ fis-saqajn, speċjalment fl-irkopop. L-inċident ħalliha b’diżabilita permanenti fi 18% ta’ ġisimha.

Il-Qorti ddikjarat lil Mohammed Abdullah Mohammed bħala unikament responsabbli għall-inċident. Ikkundannat lil Mohammed u l-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-karozza li kien qed isuq, Mapfre Middlesea plc biex bejniethom iħallsu lir-rikorrent is-somma tal-flus dovuta.

Il-każ instema’ mill-Imħallef Francesco Depasquale. L-avukat Dr Michael Zammit Maempel kien qed jirrappreżenta lill-vittma fil-Qorti Maltija.