Ordnat iħallas €33,000 ir-raġel li baqa’ dieħel f’kafetterija

Read in English.

Ingliż ta’ 43 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li l-Ħadd li għadda għall-ħabta tat-8.30pm baqa’ dieħel bil-karozza tal-kiri ġo kafetterija Dolce Peccati. Ir-raġel ammetta li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol meta tilef il-kontroll tal-karozza fi Triq it-Torri, Tas-Sliema.

F’dan l-inċident ir-raġel għamel ħsara fil-kafetterija u weġġa’ ħafif tliet persuni li kienu bilqiegħda hemm.

Fil-Qorti, l-Ingliż ammetta l-akkużi miġjuba kontrih bil-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kkundannat lill-akkużat sitt xhur ħabs sospizi b’sentejn. Il-Maġistrat ordnat lir-raġel biex fi żmien sitt xhur iħallas is-somma ta’ €33,096 lil Dolce Peccati Limited għad-danni li sofrew. Galea Sciberras ordnat li l-liċenzja tas-sewqan tkun skwalifikata għal sena.

Il-każ tmexxa mill-Ispettur Leeroy Balzan. L-avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-akkużat filwaqt li l-avukat Alfred Abela deher għall-kumpanija Dolce Peccati Limited.