Ordinazzjoni ta’ Presbiteru u żewġ Djakni f’Għawdex

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, Mons. Mario Grech, se jkun qed imexxi l-Ordinazzjoni Sagra ta’ Presbiteru u żewġ Djakni f’Għawdex.

Iċ-ċelebrazzjoni se tkun qed issir nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju, fil-5.30pm fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb.

L-Ordinazzjoni se tara lil Mario Mercieca mill-Parroċċa tal-Katidral tal-Assunta fir-Rabat Għawdex għall-Presbiterat, lil Andrew Grima mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz għad-Djakonat u lil Fra Etienne Gilson, Franġiskan Konventwali minn Birkirkara wkoll għad-Djakonat.

Minħabba ċ-ċirkustanzi attwali, din iċ-ċelebrazzjoni sa tkun limitata biss għal dawk li jirċievu stedina, u għalhekk il-pubbliku hu mħeġġeġ isegwiha minn fuq il-mezzi tax-xandir: l-istazzjon televiżiv TVM2, kif ukoll il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex fuq Youtube u Facebook.

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm ukoll Velja ta’ Talb nhar l-Erbgħa 17 ta’ Ġunju, fit-8pm, fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, fir-Rabat Għawdex. Il-miġemgħa Nisranija mistiedna tissieħeb fit-talb u ssegwi minn fuq l-istess midja soċjali tad-Djoċesi.

Min huma l-ordinandi?

Id-Djaknu Mario Mercieca twieled ir-Rabat Għawdex fis-27 ta’ Frar 1993. Irċieva l-edukazzjoni primarja fl-Iskola Laura Vicuña, l-Għasri u fl-Iskola Sir Arturo Mercieca. L-edukazzjoni sekondarja ħadha fil-Liċew Ninu Cremona.

Wara l-kors fl-Istitut Postsekondarju Sir M.A. Refalo, fir-Rabat Għawdex, f’Ġunju 2012 Mario talab biex jidħol is-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn l-ewwel għamel is-Sena Propedewtika u mbagħad beda l-kors tal-formazzjoni għas-saċerdozju f’Settembru tal-2013. Is-sena intermedjarja għamilha fil-Parroċċa ta’ Regina Pacis, fir-raħal ta’ Centobuchi, fid-Djoċesi ta’ San Benedetto del Tronto – Ripatransone – Montalto, fiċ-ċentru tal-Italja. Lura f’Għawdex f’Settembru 2017, kompla l-kors tiegħu fis-Seminarju.

Irċieva l-ministeru ta’ Lettur fl-4 ta’ Marzu 2018, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, u fl-1 ta’ Diċembru 2019 ġie istitwit bħala Akkoltu fl-istess Bażilika, dejjem minn idejn l-Isqof Mons. Mario Grech.

Fit-18 ta’ Mejju 2019 kien ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri, biex fl-14 ta’ Ġunju ġie ordnat djaknu mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

Tul il-formazzjoni tiegħu, Mario għamel esperjenzi pastorali fil-Parroċċi tal-Fontana, il-Munxar, San Lawrenz u n-Nadur. Fl-aħħar sajf serva għal xi żmien bħala djaknu fil-Parroċċa ta’ Sant’Anna f’Wied il-Għajn. Preżentament qed iservi bħala djaknu fil-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur.

Intant, is-seminarista Andrew Grima hu minn San Lawrenz u twieled fit-12 ta’ Jannar 1994, fejn kien mgħammed fil-Knisja parrokkjali tar-raħal. Irċieva l-edukazzjoni primarja fl-Iskola Dun Salv Portelli, San Lawrenz, u l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċew Ninu Cremona, il-Belt Victoria.

Wara s-sentejn fl-Istitut Postsekondarju Sir M.A. Refalo, f’Ġunju 2012 talab biex jidħol is-Seminarju, fejn għamel is-Sena Propedewtika tiegħu flimkien ma’ sħabu, u wara beda l-kors tal-formazzjoni għas-saċerdozju f’Settembru 2013. Is-Sena Intermedjarja għamilha fil-Parroċċa tas-SS. Sacramento a Tor de’ Schiavi, Ruma. Lura Għawdex, f’Settembru 2017, kompla l-kors tiegħu fis-Seminarju.

Irċieva l-ministeru ta’ Lettur minn idejn l-Isqof Mario Grech fl-4 ta’ Marzu 2018, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur. Fis-17 ta’ Novembru 2019 kien istitwit bħala Akkoltu, fil-Knisja parrokkjali tiegħu ta’ San Lawrenz.

Tul il-formazzjoni tiegħu, Andrew għamel esperjenzi pastorali fil-Parroċċi tax-Xagħra, in-Nadur, Għajnsielem, u preżentement f’dik ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

It-tielet persuna huwa, il-Fra Etienne Gilson OFMCONV. Hu twieled fl-4 ta’ Novembru 1984, f’Birkirkara. Attenda fl-Iskola Primarja St Francis, l-Imsida, u wara fl-Iskola Sekondarja Vincenzo Bugeja, Santa Venera. Fl-2000 għamel l-istudji superjuri tiegħu fil-Higher Secondary, in-Naxxar.

Fl-2001 beda l-mixja reliġjuża tiegħu fi ħdan l-Ordni Franġiskan Konventwal fejn daħal fil-Kunvent ta’ Birkirkara bħala postulant. Fl-2004 beda s-sena tal-prova msejħa s-sena tan-Novizzjat f’Osimo, l-Italja. Fl-2005 ipprofessa l-Voti Temporanji fi ħdan l-Ordni Koventwal u kompla l-mixja tiegħu ta’ formazzjoni f’Assisi sal-2009. Fil-11 ta’ Settembru ta’ dik is-sena ħa l-Voti Perpetwi fil-Knisja ta’ San Franġisk, Birkirkara.

Il-Provinċjal talab lil Fra Etienne biex l-ewwel esperjenza tiegħu lura Malta tkun fil-Parroċċa tal-Qawra, Buġibba, fejn kellu fir-responsabbiltà tiegħu diversi gruppi, fost l-oħrajn ta’ katekist. Wara sentejn, fl-2011 hu ġie mitlub mill-Provinċjal biex jagħmel parti mill-Komunità ta’ Birkirkara, fejn dam sal-2015. Wara, ntalab jagħmel parti mill-Komunità tar-Rabat, Għawdex, fejn ilu għal dawn l-aħħar ħames snin, u jagħti servizz ukoll fejn mitlub, fost l-oħrajn bħala katekista fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ.

Matul dawn is-snin hu kompla jħoss is-sejħa biex jagħmel pass ieħor fil-vokazzjoni tiegħu, għalhekk beda jirċievi l-edukazzjoni akkademika meħtieġa għall-ministeru saċerdotali, fis-Seminarju Djoċesan ta’ Għawdex.