Ordinazzjoni Sagra f’Għawdex f’Ġunju li ġej

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qalet li f’Ġunju se ssir l-Ordinazzjoni Sagra ta’ Patri Elija ta’ Ġesù Msallab (Michael Mifsud) għall-Presbiterat u ta’ Mario Mercieca għad-Djakonat.

Fi stqarrija, id-Djoċesi qalet li ċ-ċelebrazzjoni se ssir fl-14 ta’ Ġunju fis-6.30 pm fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat, Għawdex.

Patri Elija ġej mill-Parroċċa tal-Viżitazzjoni fl-Għarb filwaqt li Mario Mercieca ġej mill-Parroċċa tal-Katidral tal-Assunta.

Skont id-Djoċesi, Mifsud twieled f’Għawdex, nhar it-8 ta’ Awwissu 1990, il-kbir fost erba’ aħwa. Serva bħala abbati fil-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb, fejn kien jattendi wkoll għal-laqgħat tal-vokazzjonijiet u fil-Qasam tal-Museum.

Beda l-kors tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, fejn wara sena beda l-mixja vokazzjonali tiegħu fi ħdan l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi. Għamel it-tliet xhur tal-aspirantat fil-Komunità ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù f’Bormla, u sena u tliet xhur postulantat fil-Komunità ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù f’Birkirkara u f’dik ta’ Bormla. Fis-6 ta’ Awwissu 2012 beda n-novizzjat, fejn ġie mogħti l-isem ta’ Fra Elija ta’ Ġesù Msallab, u qatta’ sena novizz fil-Komunità ta’ Bormla.

Fra Elija għamel il-Professjoni Sempliċi tiegħu nhar it-Tlieta 6 ta’ Awwissu 2013. Eventwalment, hu mar Brescia, l-Italja, fejn beda l-istudji u kompla l-formazzjoni tiegħu fi ħdan l-istess Ordni fil-Kunvent ta’ San Pietro in Oliveto. Meta kien jirritorna Malta għal xi ġranet fis-sajf, kien iservi fil-Parroċċa ta’ San Ġwann tas-Salib, Ta’ Xbiex.

F’Awwissu tal-2018, Fra Elija għamel il-Professjoni Solenni tiegħu fil-Knisja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, Bormla. Imbagħad f’Settembru tal-istess sena ġie ordnat djaknu flimkien ma’ patri Karmelitan ieħor u seba’ seminaristi djoċesani minn idejn l-Isqof Mons. Pierantonio Tremolada fil-Katidral ta’ Brescia.

Bħala djaknu kompla l-aħħar parti tal-istudji tiegħu fi Brescia.

Skont id-Djoċesi, Mario Mercieca twieled Għawdex fis-27 ta’ Frar 1993.

Fl-2012 Mercieca talab biex jidħol is-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn għamel is-sena propedewtika. Beda l-kors bħala seminarista fl-istess Seminarju f’Settembru 2013. Is-sena intermedjarja għamilha fil-Parroċċa ta’ Regina Pacis, fir-raħal ta’ Centobuchi, fid-Djoċesi ta’nSan Benedetto del Tronto–Ripatransone–Montalto, fiċ-ċentru tal-Italja. Lura mis-sena intermedjarja, f’Settembru 2017 kompla l-kors tiegħu fis-Seminarju.

Irċieva l-ministeru tal-Lettorat f’Marzu tal-2018, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-
Nadur, u f’ Diċembru 2019 ġie istitwit bħala Akkoltu fl-istess Bażilika, minn idejn Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex. Fit-18 ta’ Mejju 2019 ġie ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri.

Tul il-formazzjoni tiegħu, Mario għamel esperjenzi pastorali fil-Parroċċi tal-Fontana, il-Munxar, San Lawrenz u preżentament fin-Nadur.

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm ukoll Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 13 ta’ Ġunju,
fit-8.00pm, fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.