Orban fil-PE; l-MEPs jivvutaw għada dwar l-Ungerija

European Union 2018

Il-President Ungeriż Viktor Orban tkellem quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej aktar kmieni hekk kif kienu qed jiddiskutu jekk jattivawx Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Artiklu jipprovdi mekkaniżmu biex l-Ewropa tinforza l-valuri tagħha fuq xi pajjiż membru jekk dan ma jkunx qed isegwi l-liġijiet kif imniżżla fit-Trattat.

Il-vot dwar din ir-reżoluzzjoni huwa mistenni għal għada l-Erbgħa waranofsinhar wara d-diskors State of the Union tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.

Sorsi qrib il-Partit Popolari Ewropew u l-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi qalu ma’ Newsbook.com.mt li sa issa għad m’hemmx direzzjoni dwar il-vot.

Is-sors qrib il-PPE qal li l-grupp tal-MEPs fi ħdanu se jiltaqa’ ma’ Orban u jifforma deċiżjoni dwar kif se jkunu qed jivvutaw għada.

Il-President Ungeriż irċieva għadd ta’ kummenti negattivi mill-Membri Parlamentari Ewropej għal mod kif qed idaħħal liġijiet li jmorru kontra l-valuri Ewropej. Huma kkwotaw għadd ta’ ksur tal-liġijiet, inklużi allegazzjonijiet li l-Gvern ta’ Orbán naqqas il-libertajiet ta’ espressjoni, tar-reliġjon u ta’ assoċjazzjoni u dgħajjef is-sistemi kostituzzjonali u elettorali kif ukoll l-indipendenza tal-ġudikatura.

Orban ma naqqasx milli jkun ċar u jirribatti dawn l-allegazzjonijiet. Huwa ddikjara li r-rapport, miktub minn MEP Daniża “jinsulta lin-nazzjon Ungeriż”.

Dan filwaqt li qal li l-Ungeriżi qed ikunu inġustament ikkastigati meta skont hu, huma qed jieħdu aspett konservattiv tal-valuri Kristjani u l-valuri tal-familja.

Iċ-Ċermen tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, li l-ġimgħa l-oħra ħabbar li se jkun qed jikkontesta li jsir il-kandidat ewlieni tal-EPP għall-elezzjonijiet Ewropej ma naqasx milli jikkundana l-aġir ta’ Orban.

Weber qal li l-EPP ma jemminx li f’pajjiż għandu jkun hemm sitwazzjoni fejn l-NGOs isibuha bi tqila biex jaħdmu għax ikunu kritiċi tal-Gvern.