Oratorju b’differenza

Bħalissa l-Oratorju tal-Arċikonfraternità tas-Santissmu Sagrament fi ħdan il-kunvent tal-Patrijiet Dumnikani tal-Belt Valletta qed jintuża bħala klassi għal studenti li qed jattendu l-kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir.

Fil-ġranet qaddisa tal-Għid tal-Mulej bosta żaru dan il-post biex jitpaxxew bil-wirja artistika tal-mejda tal-Appostli li ilha tittella’ sa mill-1798. Kif ġara b’attivitajiet oħra l-wirja ta’ din is-sena tħassret minħabba l-imxija tal-Covid-19.

U kien proprju minħabba li din il-pandemija għadha magħna li l-Arċikonfraternità rċeviet talba mis-surmast tal-kulleġġ Mario Mallia lill-Kappillan tal-Parroċċa Patri Michael Camilleri OP biex jekk hu possibbli l-Oratorju tas-Sagrament jintuża biex jingħata tagħlim primarju lill-istudenti li jattendu l-istess kulleġġ.

Id-direzzjoni tal-Arċikonfraternità laqgħet it-talba minnufih. Lil hinn mill-attivitajiet li l-Arċikonfraternità hija involuta fihom bħal Corpus Christi u l-Vjatku Solenni, din it-talba tat dimensjoni ġdida lill-Arċikonfraternità. Il-fratellanza kienet dejjem minn ta’ quddiem biex tassisti lill-kommunità tal-patrijiet u l-parruċċani tagħha f’mumenti diffiċli bħalma hija s-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19.

L-Arċikonfraternità awgurat lit-tfal li qed jirċievu t-tagħlim tagħhom minflok fil-klassi fl-Oratorju kull suċċess fil-ġejjieni biex huma wkoll għada pitgħada jkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor.

Dr Ivan Grixti PhD (Soton)

Kummissarju