Oracle Flexcube hi s-sistema bankarja ewlenija ġdida tal-BOV

Il-Bank of Valletta ħabbar li għażel lill-Oracle bħala l-fornitur tas-sistema bankarja ewlenija ġdida tiegħu.
Il-kuntratt bejn iż-żewġ partijiet ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Mario Mallia u minn Michiel A. Hustinx, Viċi President u Head of Sales tal-EMEA, fil-preżenza taċ-Chairman tal-Grupp BOV Taddeo Scerri. Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll uffiċjali għolja minn Oracle kif ukoll mill-Bank of Valletta.
Taddeo Scerri qal, “Il-Bank of Valletta dejjem kien sinonimu ma’ tibdil innovattiv ewlieni fis-suq lokali. Il-ftehim li qed niffirmaw ikompli jsaħħaħ l-impenn tal-Bank li jpoġġi l-klienti fil-qalba tal-organizzazzjoni. Il-Bord tad-Diretturi jemmen bis-sħiħ li din il-pjattaforma bankarja ewlenija ġdida se sservi biex issostni s-servizzi kollha tal-Bank, kemm dawk korporattivi kif ukoll dawk personali, permezz ta’ channels differenti.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Mario Mallia, spjega li, “Illum hija okkażjoni importanti għall-Bank. L-Oracle Flexcube se tippermettilna noffru servizz superjuri lill-klijenti tagħna, aċċess aktar sempliċi għall-informazzjoni u s-servizzi kif ukoll navigazzjoni bla xkiel bejn iċ-channels differenti tal-provvista tas-servizzi. Diġà sar ħafna xogħol minn tim ferm iddedikat u impenjat matul dawn l-aħħar sentejn biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti kummerċjali, ta’ sigurtà u tal-IT.” Mallia spjega li dan definittivament mhuwiex proġett iżolat tal-IT imma huwa intrinsikament marbut mal-istrateġija tal-Bank u mal-implimentazzjoni tagħha.
Meta tkellem dwar il-ftehim, Michiel Hustinx spjega li, “It-tim tagħna ħadem b’mod estensiv mal-Bank of Valletta u ninsabu ħerqana biex napprofondixxu aktar dik ir-relazzjoni bħala kollaboratur strateġiku matul l-implimentazzjoni tal-pjattaforma Oracle Flexcube.”