“Oqogħdu ġewwa daqslikieku għandkom il-virus” – Maltija bil-coronavirus

Il-vjolinista Nadine Galea hija waħda mill-213-il pazjent infettati bil-coronavirus f’Malta. Hija appellat lill-Maltin biex joqogħdu ġewwa u jaġixxu daqslikieku għandhom il-virus.

Nadine qasmet l-esperjenza tagħha fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, u stqarret li mhix tħossha ma tiflaħx, imma għandha bżonn ħafna rqad u ilma.

Kitbet li sa ġimagħtejn ilu kienet qed tgħix ħajja mill-isbaħ bi prestazzjonijiet fuq cruiseliner li kien qed idur il-Karibew. Il-kuntratt tagħha ta’ ġimgħa nbidel f’kuntratt ta’ ġimagħtejn meta l-portijiet tal-Karibew bdew jagħlqu. Kien hemm li ndunat li s-sitwazzjoni tal-coronavirus hija waħda serja.

Hija marret Londra fejn toqgħod, iżda l-persuna li toqgħod magħha kellha s-sintomi tal-virus u kienet qed tiżola ruħha fil-flett tagħhom, allura qagħdet ġo lukanda. Jumejn wara, ġiet Malta, fit-23 ta’ Marzu. Sħabha t-tobba tawha l-parir li tippretendi li għandha l-virus, anke jekk m’għandha l-ebda sintomi. Allura żammet ‘il bogħod min-nies, u l-ġenituri tagħha ħallewlha l-ikel wara l-bieb.

Qalet li minkejja li qatt ma misset wiċċha hi u tivvjaġġa, użat sanitiser tal-idejn il-ħin kollu, ħaslet idejha b’mod frekwenti, fl-ewwel lejl tagħha Malta bdiet tegħreq, u ħassitha għajjiena, kellha daqsxejn sogħla, u raqdet iżżejjed. Ma ntebħitx li kien il-virus, imma dawn is-sintomi reġgħu tfaċċaw l-għada, iżda mbagħad waqfu. Lejn l-aħħar tal-ġimagħtejn tagħha kwarantina, iddeċidiet li tieħu ċans tagħmel it-test tal-virus għal li jista’ jkun.

Dakinhar stess li għamlet it-test saret taf li rriżulta fil-pożittiv.

Qalet li xorta waħda qed tagħmel l-affarijiet bħas-soltu, pereżempju billi tirrikordja lilha nfisha ddoqq għall-klijenti u tagħti l-lezzjonijiet tal-vjolin, tal-kitarra u tat-teorija tal-mużika permezz ta’ Skype. Apparti hekk, tabib qed iċemplilha kuljum, u l-pulizija marru jżuruha erba’ darbiet biex jaraw li qed tobdi l-kwarantina.

Hija appellat lill-pubbliku biex jieħu l-parir li kienu tawha sħabha t-tobba u jibqa’ ġewwa daqslikieku għandu l-virus, anke jekk m’għandux sintomi.

Malta s’issa għandha 213-il pazjent bil-coronavirus, iżda l-Prof. Charmaine Gauci hija mistennija tħabbar il-każijiet il-ġodda fil-konferenza stampa tagħha fis-1.30pm.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn