“Oqogħdu attenti daqslikieku kellna 100 każ illum, li ġara lid-dinja se jiġri lilna wkoll” – Fearne

Miguela Xuereb

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li dak li qed jiġri fid-dinja minħabba l-coronavirus, se jiġri f’Malta wkoll.

Meta kien qed jitkellem fil-bidu tad-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar is-saħħa pubblika, Fearne qal li l-fatt li f’ġurnata waħda kellna biss tliet każijiet ma jfisser xejn.

“Oqogħdu attenti daqslikieku kellna 100 każ illum. Veru, aħjar tlieta minn 17 iżda fil-ġranet li ġejjin qed nistennew li se jkollna numri għoljin. Jekk naħsbu li din kienet mewġa żgħira  u li issa għaddiet, il-każijiet jerġgħu jisplodu,” spjega Fearne.

Huwa qal li f’Hong Kong u Singapore qed jerġgħu jaraw żieda f’każijiet ġodda, tant li f’Singapore stess, l-awtoritajiet qed jerġgħu jdaħħlu miżuri ristrettivi li kienu tneħħew.

Il-Ministru qal li l-banek la jistgħu u lanqas se jingħalqu, iżda l-persuni jridu jieħdu l-prekawzjonijiet u jżommu d-distanza meħtieġa.

“19 -il ġurnata wara l-ewwel każ ta’ Covid-19 u llum li għandna 110 każi b’uħud minnhom trażmessi lokalment, potenzjalment kulħadd jista’ jkun infettiv,” hu spjega.

Fearne wissa lill-unjins biex ma japprofittawx ruħhom mis-sitwazzjoni. “Ma ninħlewx fi ġlieda bejnietna, iżda ejja noħorġu minn din is-sitwazzjoni bħala nazzjon wieħed,” hu appella.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Gvern, wara li ra rispons qawwi min-naħa tat-tobba u infermiera, qed jaħseb biex jibni sptar pre-fabrikat ħdejn Mater Dei biex iżid il-kapaċità ta’ sodod tal-ITU b’60, kif ukoll 30 sodda oħra ta’ high dependency.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn