Oqgħod ‘il bogħod – il-familja ta’ Daphne lill-PM

Read in English.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qed tappella lill-Prim Ministru biex joqgħod ‘il bogħod mill-investigazzjoni fil-każ tal-assassinju ta’ “ommna u martna”. Insistew li l-investigazzjoni għandha tkun ħielsa minn indħil politiku.

Fi stqarrija, il-familja ta’ Caruana Galizia, qalet li l-arrest ta’ Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, huwa importanti, u “messu ilu li sar”.  Żiedu jgħidu li jinsabu ddiżgustati jaraw lill-Prim Ministru Joseph Muscat fiċ-ċentru tal-investigazzjoni, meta, fi kliemhom, l-investigaturi issa qed jitfgħu ħarsithom lejn ir-rabtiet korrotti ta’ Fenech maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u mal-Ministru Konrad Mizzi.

Fakkret lill-Prim Ministru li l-investigazzjoni fl-assassinju qed timplika l-uffiċċju tiegħu u l-uffiċjali l-iktar qrib tiegħu.

“Il-Prim Ministru m’għandu l-ebda post qrib l-investigazzjoni u għandna fiduċja li jiddistanzja lilu nnifsu”, tkompli tgħid l-istqarrija. Saħqu li jinsabu ppreparati li jużaw il-mezzi kollha legali għad-dispożizzjoni tagħhom biex jassiguraw li l-investigazzjoni hija indipendenti u imparzjali.

L-istqarrja ttemm tgħid li ħafna nies ilhom jaħdmu qatigħ għall-ġustizzja u li l-Prim Ministru m’għandux jiżvija dan l-aħħar attentat biex issir ġustizzja ma’ ommna u martna.