Oqbra Rumani misjuba fis-sit ta’ skola ġdida f’Ħal Kirkop

F’Ħal Kirkop, waqt il-bini ta’ skola sekondarja ġdida tal-Gvern, instabu fdalijiet arkeoloġiċi li jinkludu mill-inqas 7 oqbra antiki maqtugħin fil-blat.
L-indikazzjonijiet huma li l-oqbra huma ta’ età Rumana bikrija waqt li hemm il-possibiltà li nstabu wkoll katakombi Kristjani.
Is-sejba hi fi Triq il-Paleo-Kristjani, qrib katakombi oħra magħrufa.
Minħabba dak li nkixef, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada u s-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali qed jaħdmu biex jinbidlu d-disinni tal-iskola biex il-fdalijiet jiġu protetti u integrati fil-proġett.
Ix-xogħol s’issa kien jinvolvi t-tneħħija ta’ ħamrija biex jinkixef il-blat u jitqiegħdu l-pedamenti tal-iskola. Ix-xogħol li sar s’issa kien taħt id-direzzjoni ta’ arkeologu minħabba l-possibiltà ta’ fdalijiet, kif fil-fatt ħareġ.
Issa, il-pjani tal-iskola mistennija jiġu modifikati, anke bis-sehem tal-MEPA, waqt li se jsir dokumentazzjoni u stħarriġ intensiv tal-art li fuqu se tinbena l-iskola.
Il-Gvern qal li l-investigazzjoni arkeoloġika fis-sit għadha għaddejja u mhux eskluż sejbiet oħra.
Fl-1967 kienu nstabu katakombi żgħar oħra fi Triq Taż-Żebbiegħ, tefa’ ta’ ġebla biss bogħod.