Oprah Winfrey imċaħħda milli tixtri basket ta’ €26,000?

“Dan il-basket jiswa wisq għalik!”.  Din kienet ir-risposta li mara li taħdem ġo ħanut fi Zurich fl-Iżvizzera tat lil Oprah Winfrey, il-preżentatriċi famuża u sinjura fl-Istati Uniti.

Skont Winfrey, meta daħlet ġo ħanut rinomat għall-moda, l-impjegata irrifjutat erba’ darbiet li ttiha f’idejha basket iswed li jiswa €26,000. 

Il-preżentatriċi qalet li l-impjegata saħansitra qaltilha biex tara basktijiet oħra bi prezz orħos. 

Min-naħa l-oħra, sid il-ħanut, li dak il-ħin li ġara dan l-inċident ma kinitx fil-ħanut, qalet li kienet Oprah li ma riditx il-basket f’idejha.  Iddefendiet lill-impjegata u qalet li ġeneralment tieħu ħsieb taqdi l-aktar klijenti mfissda minn madwar id-dinja kollha.

Oprah Winfrey kienet l-Iżvizzera għat-tieġ tal-kantanta Tina Turner li sar ix-xahar li għadda.  Il-programm “The Oprah Winfrey Show” ma jixxandarx fl-Iżvizzera.

Fl-aħħar ġimgħat diversi bliet fl-Iżvizzera qed jippjanaw li ma jħallux lill-immigranti irregolari jżuru postijiet pubbliċi bħal pixxini, bandli u libreriji.  Dan biex tonqos it-tensjoni bejn l-immigranti u r-residenti Żvizzeri.

L-awtoritajiet Żvizzeri jgħidu li l-għadd ta’ immigranti fil-pajjiż jaqbeż il-medja Ewropea.  Bħalissa fil-pajjiż hemm madwar 48,000 immigrant irregolari.