Opra artistika ġdida fil-Palazz Santa Marija fl-Imqabba

Il-Ħadd 16 ta’ Diċembru ra l-għeluq uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet li fakkru l-25 sena mit-twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija tal-Imqabba.

Is-Sezzjoni Żgħażagħ inawgurat proġett li kkummissjonat hi stess u li l-ħidma fuqu kienet ilha għaddejja diversi snin b’koordinament mal-Kumitat Eżekuttiv.

Dan sar peremzz ta’ marċ mill-Banda Re Ġorġ V, u wara ġie inawgurat il-proġett artistiku ta’ klassi fejn kellu jara s-saqaf tal-intrata ta’ Palazz Santa Marija; is-Sede tal-istess Soċjetà,  jimtela bil-pittura, fejn għal dan gie kummissjonat l-artist Għawdxi l-Kavallier Paul Camilleri Cauchi.

L-arti li ntużat hija kollha relatata mal-istess Soċjetà u l-Festa li tiċċelebra.  Din hija kkaratterizzata minn erba’ pitturi li juru diversi anġli jżommu erba’ emblemi kull waħda marbuta mal-istess Soċjetà;  l-Emblema tas-Soċjetà, l-Emblema tar-raħal tal-Imqabba, is-Salib tal-Kavallieri simbolu ta’ Malta u n-Nome di Marija li hija s-simbolu tal-Madonna.

Fin-nofs tas-saqaf imbgħad tpoġġiet pittura tal-Assunta, il-Festa li tiċċelebra l-istess Soċjetà u l-Patruna tar-raħal tal-Imqabba.  Il-kxif tal-pittura sar mill-President u l-Membri tal-Kumitat tas-Sezzjoni Żgħażagħ preżenti u dawk passati, fil-preżenza tal-President tas-Soċjetà flimkien mal-Kumitat Eżekuttiv.

Dan kollu huwa grazzi għall-ħidma kontinwa tal-partitarji ħabrieka tul is-snin l-imgħoddija.  Is-Sezzjoni Żgħażagħ permezz ta’ dan il-proġett taw sens ta’ kontinwazzjoni ta’ arti fejn komplew jibnu fuq dak li ħallewlna missirijietna u żiedu aktar sabiex jitgawdew miż-żgħażagħ ta’ għada u l-ġenerazzjonijiet futuri.

Aktar informazzjoni fuq il-websajt u l-paġna ta’ Facebook.