Oppożizzjoni tipproponi intervista fil-Parlament għall-ħatriet sensittivi

Numru ta’ karigi sensittivi għandhom jiġu mimlija wara li l-persuna nominata tkun intervistata mill-Parlament.
Hekk qal id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco waqt id-dibattitu dwar l-Estimi Ġenerali tal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali.
Huwa qal li dan jista’ jkun il-każ ta' ħatriet f'karigi bħall-Kummissarju tal-Pulizija, Maġistrati u Mħallfin.
Il-proposta, huwa qal, hija mmudellata fuq dak li jsir fil-Parlament Ewropej li jintervista lill-kandidati nnominati għall-Kummissarji Ewropej.
Huwa fakkar li l-Parlament diġà jivvota fuq il-ħatra ta’ xi karigi fosthom dik tal-Ombudsman, u intervisti bħal dawn inseddqu s-setgħa tal-Parlament u r-rwol tiegħu ta’ sorveljanza fuq l-eżekuttiv.
Huwa sejjaħ ukoll għal dibattitu dwar ir-rwol ta' deputati għandu jkollhom fil-Parlament ta' Malta, inkluż dwar jekk għandux ikun hemm deputati full time. Huwa fisser li personalment ma jaqbilx li deputat għandu jkun full time għaliex il-professjoni ħafna drabi tlaqqa lid-deputat mar-realtajiet hemm barra. Fl-istess ħin irrikonoxxa li hemm biżżejjed xogħol biex deputat jiddedika l-ġurnata kollha tiegħu lill-Parlament. 
Huwa qal ukoll li x-xogħol tal-Parlament ma għadux dak li kien 40 sena ilu, u l-liġijiet saru ħafna iżjed tekniċi u għalhekk meħtieġ li d-deputat ikollu iktar għajnuna biex ikun jista’ jikkontribwixxi bl-aħjar mod għad-dibattiti fil-Kamra.