Oppożizzjoni negattiva anke mal-produtturi tal-ħalib – il-PL

Il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni tinsab “fid-dagħdiha negattiva” mal-produtturi tal-ħalib għax fi stqarrija sostnew li l-Partit Nazzjonalista qed jinsinwa stqarrijiet li mhumiex veri.

Il-PL qal li l-kelliema tal-Oppożizzjoni Edwin Vassallo u Peter Agius ma ndunawx li minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejjha minnu d-dinja kollha kawża tal-pandemija ta’ Covid-19, f’dan il-każ għax naqas il-konsum kawża ta’ inqas turiżmu u għeluq ta’ ċerti ħwienet, sal-lum 7 xhur wara, l-ebda raħħal ma sofra tnaqqis fil-prezz għaliex il-Malta Dairy Products ħadmet il-ħalib kollu li kien provdut.

Fi stqarrija aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista qal li l-provvista tal-ħalib Malti frisk tinsab fil-periklu għax il-bdiewa u l-produtturi tal-ħalib qed jaffaċċjaw l-ispejjeż li kellhom qabel il-Covid-19, iżda bil-pandemija, il-bejgħ u l-konsum tal-ħalib mit-turisti qed jonqos.

Ma ntqal xejn dwar il-proposta tal-PN fl-istess stqarrija meta pproponew li jsir aktar reklamar tal-prodotti lokali minn fondi Ewropej.

Il-PL spjega li l-Gvern ilu għaddej b’laqgħat mal-Koperattiva tal-Produtturi tal-ħalib u mal-Malta Dairy Products sa minn Marzu sabiex dejjem tinstab l-aħjar triq biex is-settur ikun sostnut filwaqt li l-Gvern alloka €1miljun biex jitqassam lir-raħħala biex jagħmel tajjeb għall-isfidi li qed jaffaċċjaw.