Opportunitajiet ta’ koperazzjoni bejn Malta u l-Gana

Matul żjara f’Malta, il-Ministru tal-Ghana għall-Affarijiet Barranin Hanna Serwaa Teetah iltaqgħet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella u mal-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella.

Matul dawn il-laqgħat, flimkien mal-Ministru George Vella ġew diskussi oqsma ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom it-trasport, l-affarijiet marittimi u t-tbaħħir.

Ġiet diskussa wkoll il-possibilita’ li studenti mill-Gana jattendu korsijiet speċjalizzati fl-Universita’ ta’ Malta, l-Akkademja Mediterranja għall-iStudji Diplomatiċi u l-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima.

Ġiet diskussa wkoll is-sitwazzjoni fir-rigward tal-immigrazzjoni irregolari.

Il-Ministru tal-Gana għall-Affarijiet Barranin issuġġeriet ukoll li titwaqqaf kummissjoni konġunta bejn Malta u l-Gana bil-għan li jiġu stabbiliti l-ewwel kuntatti għall-koperazzjoni bejn Malta u l-Gana.

Matul il-laqgħa mal-Ministru Karmenu Vella, il-Ministru mill-Gana qalet li pajjiżha qed iħares ‘l quddiem għal aktar koperazzjoni ma’ Malta fil-qasam tat-turiżmu.

Ġiet diskussa wkoll l-importanza tal-aċċessibilità mal-pajjiżi tal-Afrika għal skambju ta’ turiżmu u opportunitajiet ġodda. 

 

Ritratt: DOI – Pierre Sammut