Opportunitajiet kbar għall-istudenti fis-settur tal-manifattura

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo flimkien ma’ uffiċjali għolja mill-MCAST żaru l-fabbrika tal-Playmobil f’Ħal Far. 

Matul din iż-żjara l-Ministru għadda informazzjoni fuq l-erba’ korsijiet fil-manifattura offruti mill-MCAST.

Evarist Bartolo sostna li l-Gvern jifhem l-importanza tas-settur tal-manifattura għall-ekonomija. 

Huwa qal li l-Gvern qed jaħdem biex is-settur jibqa’ kompetittiv filwaqt li jattira aktar investiment ġdid. 

Il-Ministru saħaq dwar l-importanza li jkun hawn aktar studenti ppreparati permezz ta’ tagħlim speċjalizzat, għalhekk ukoll il-kurrikulu fl-iskejjel irid ikun rilevanti u aġġornat għaż-żminijiet tal-lum. 

Matthias Fauser, il-Kap Eżekuttiv tal-Playmobil sostna li kull persuna li tagħżel dan is-suġġett se ssib opportunijiet kbar għaliex huma ftit il-ħaddiema mħarrġa f’dan il-qasam.

Il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Cachia sostna li l-għan prinċipali tal-MCAST huwa li tgħin lill-istudenti fl-iżvilupp tagħhom sabiex isibu opportunitajiet ta’ xogħol. 

Permezz tal-korsijiet fil-manifattura, l-MCAST qed tgħin ukoll lill-industrija billi tipprovdi studenti mħarrġa. Dan ukoll permezz tal-apprentistat. 

Huwa appella biex aktar studenti jaħtfu dawn l-opportunitajiet. 

L-MCAST se jilqa’ it-tieni sejħa ta’ applikazzjonijiet fultajm bejn it-23 u l-25 ta’ Settembru u dawk partajm fil-15 ta’ Settembru. 

Aktar informazzjoni minn fuq is-sit elettroniku tal-MCAST, www.mcast.edu.mt.