Fl-ittra pastorali maħruġa mill-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, sostnew li l-Insara Maltin bħala komunità ta’ fidi għandhom jifhmu li qed jgħixu f’soċjetà li barra li tapprezza l-għeruq qodma tagħha qed tħaddan ukoll diversi lingwi, razzez, u reliġjonijiet.
L-imħabba: lingwa li jifhimha kulħadd
Huma qalu li hemm opportunità tad-deheb biex wieħed jagħti xhieda tal-imħabba li hi l-lingwa li jifhimha kulħadd. Fl-ittra pastorali huma sostnew li jekk il-preġudizzji u il-mibegħda jwasslu għall-esklużjoni, il-qerda u l-qtil, l-imħabba minn naħa l-oħra twassal għall-bini mill-ġdid tal-familja tal-bnedmin. Kompla jiġi spjegat li l-bniedem huwa maħluq biex jidħol f’relazzjoni ta’ imħabba ma’ Alla kif ukoll mal-bniedem irrispettivament min huwa. Saħqu li din l-imħabba hi don ta’ Alla kif ukoll il-pedament ta’ soċjetà inklussiva, fejn il-jeddijiet fundamentali ta’ kull bniedem hu min hu, huma rispetati u mħarsa.
L-Ispirtu s-Santu jressaq lill-bnedmin lejn xulxin
L-ittra pastorali tibda bl-ispjegazzjoni ta’ Għid il-Ħamsin u l-miġja tal-Ispirtu Santu. L-Isqfijiet ifakkru li d-don tal-Ispirtu s-Santu jressaq lill-bnedmin ta’ ilsna differenti lejn xulxin meta huma jidħlu f’kuntatt ma’ xhieda ta’ Ġesù. Sostnew li permezz ta’ dan il-kuntatt, wieħed jintebaħ bil-qawwa ta’ Ġesù u għaldaqstant jitħassar l-għajb tal-firda bejn il-bnedmin. Fakkru li fl-okkażjoni tal-Għid il-Ħamsin, l-Knisja qed issejjaħ lill-Ispirtu s-Santu biex jiġi u jnissel l-imħabba għal Alla, għal bnedmin oħra, għall-ħolqien u għalihom.
Nibnu soċjeta inklussiva
Fil-kuntest tal-ġrajja tal-Għid il-Ħamsin, l-Isqfijiet appellaw biex tinbena soċjetà iktar inklussiva li tħaddan id-diversità bħala don kbir tal-Ħallieq. Fl-ittra l-Isqfijiet saħqu fuq il-bżonn li wieħed jeżamina aspetti ta’ prattika reliġjuża li jaf ikunu inspirati mill-pika, mill-għira jew mis-sens ta’ superjorità u disprezz lejn ħaddieħor fost oħrajn. Huma fakru li fejn jeżistu dawn il-kwalitajiet, m’hemmx l-id t’Alla u elenkaw numru ta’ kwalitajiet umani li huma rigal t’Alla, bħal l-imħabba, l-hena, is-sabar, it-tjieba, il-fidi, u, ir-rażan fost oħrajn. Fl-ittra pastorali, l-isqfijiet fakkru li huma dawn il-kwalitajiet li jnisslu fil-bniedem sens ta’ rispett lejn id-dinjità u l-integrità ta’ kull bniedem li wieħed jiltaqa’ miegħu.
Ejjew nibnu pontijiet
L-Isqfijiet saħqu li wieħed irid jibni l-pontijiet li jestendu ‘l fuq u lil hinn minn razziżmu, tal-preġudizzji jew tal-biza’ ta’ dak kollu li huwa barrani minflok wieħed joqgħod jipponta subajgħ lejn ħaddieħor bħala Nsara. Huma komplew jispjegaw kif iż-żminijiet issa nbidlu, u li filwaqt fil-passat kien hemm żmien fejn il-barrani kien assoċjat ma’ ħerba u jagħsar b’referenzi għad-drabi li Malta kienet kolonja. L-Isqfijiet sostnew li sekli wara l-affarijiet inbidlu filwaqt li wissew kontra li wieħed jaddotta mekaniżmi difensivi kontra dawk li jiġu f’Malta minn pajjiżi differenti. Saħqu li dawn huma msieħba fil-prosperità u l-għana kulturali tagħna. Fakkru li l-barranin li jinsabu f’Malta huma bnedmin daqs kull Malti, bl-istess dinjità umana u jeddijiet fundamentali.
L-Isqfijiet ħeġġew lin-nies biex jirriflettu fuq x’jgħid il-barrani li għadu ma ltaqax ma’ Ġesù dwar il-laqgħa tiegħu mal-Insara u jismagħhom jitkellmu fuq il-Mulej, u meta jara kif nittrattaw b’liema paga jitħallas u f’liema postijiet nibgħatuhom jgħixu. Huma fakkru li l-Knisja kienet minn ta’ quddiem fil-ħidma tagħha mal-immigranti, ir-refuġjati u l-barranin f’dawn l-aħħar ħamsin sena.
L-ittra pastorali se tinqara fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex mis-Sibt waranofsinhar u matul il-quddies kollu tal-Ħadd.
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.OkCookies Policy