​Opportunità ta’ placement imħallas għall-istudenti tal-ICT

Din is-sena l-Gvern qed jalloka €600,000 għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol temporanju għal studenti fis-settur tal-ICT.
Fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qal li nieda l-MITA Student Placement Programme. Huwa qal li l-Gvern qed jinvesti fiż-żgħażagħ permezz ta’ skemi bħal dawn peress li l-istudenti tal-lum huma l-ħaddiema ta’ għada.
Iċ-Ċerpersin Eżekuttiv tal-MITA Tony Sultana qal li fl-aħħar erba’ snin, il-MITA u l-imsieħba tagħha offrew 1,300 post tax-xogħol li jagħtu esperjenza fl-ICT. Qal li l-investiment kien ta’ aktar minn €1.9 miljun.
Sultana qal li din is-sena l-MITA qed timmira biex toħloq 400 post tax-xogħol għall-applikanti. Is-sena l-oħra kien hemm 332 post.
Tony Sultana spjega li din l-opportunità mhix miftuħa biss għal dawk in-negozji li għandhom konnessjoni diretta mal-użu tal-ICT, iżda wkoll għal dawk li jużaw l-ICT fuq bażi regolari biex imexxu n-negozju tagħhom.