Opportunità biex nhar il-Ħadd tikser rekord ma’ Dr Klown!

Dr Klown għalaq sitt snin f’Malta u għandu bżonn l-għajnuna tiegħek biex jikser rekord ġdid.
Sptar ftit li xejn hu post ferrieħi. Pero sitt snin ilu f’Malta twaqqfet l-organizzazzjoni Dr Klown, bl-għan li l-buffi b’ilbies ta’ tobba jżuru t-tfal morda fis-swali tal-Isptar biex ixerdu tbissima fuq fommhom.
F’dawn l-aħħar sitt snin il-Klown Doctorsi żaru aktar minn 12,000 tifel u tifla fis-swali ta’ Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Biex tiċċelebra dan l-anniversarju f’Malta din is-sena l-għaqda qed tistieden lit-tfal kollha tal-primarja u sekondarja għal parata minn San Ġiljan sal-promenad f’Tas-Sliema.
Kull min jattendi hu mitlub jilbes ħwejjeġ jew aċċessorji tal-buffi filwaqt li jkunu akkumpanjati minn adult biex b’hekk jinkiser rekord ġdid tal-akbar ammont ta’ buffi f’post wieħed.
Divertiment waqt din il-mixja se jkun garantit hekk kif it-tfal se jkollhom l-opportunità li fost l-oħrajn jiltaqgħu mal-Klown Doctors u karattri ta’ Disney.
L-attività tibda fl-10.30am minn Spinola u tispiċċa f’12pm.
Ritratt: Dr Klown