“Opportunità biex l-Oppożizzjoni tibgħat messaġġ pożittiv”

“Jekk Kevin Cutajar jieħu post l-Eks Membru Parlamentari Nazzjonalista David Stellini fil-Parlament, din tkun opportunità għall-Oppożizzjoni biex tibgħat messaġġ pożittiv ħafna”.

AQRA: Kevin Cutajar jew Jean Pierre Debono bħala MP ġdid għall-PN?

Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt Rosa Borg, persuna li qed jonqsilha d-dawl ta’ għajnejha, li saħqet li b’Cutajar, li huwa persuna bla dawl, il-PN ikun qed jibgħat messaġġ pożittiv ħafna. Sostniet li l-messaġġ huwa wieħed li minkejja l-isfidi kemm jekk hix diżabbilità jew jekk intix ġej minn minoranza, wieħed jista’ jasal ukoll.

AQRA: L-ittra ta’ riżenja ta’ David Stellini tinqara fil-Parlament

Esprimiet li ħasset il-bżonn li titkellem dwar iċ-ċans reali li jeżisti li persuna b’diżabbilità tista’ tkun membru tal-Parlament ta’ Malta. Hi sostniet li huwa jaffaċċja l-isfidi u r-realtajiet ta’ persuni b’diżabbilità kuljum u għaldaqstant jista’ jifhem u jirrappreżenta aħjar lill-persuni b’diżabbilità.  “Minkejja l-isfidi li kellu jaffaċċja huwa rnexxa b’mod demokratiku u li l-għażla tan-nies kienet ibbażata fuq il-kapaċitajiet tiegħu u għalhekk għażlu li jivvuttawlu. Din l-opportunità turi wkoll li ma kienx hemm bżonn kwoti biex persuna b’diżabbilità titla’ fil-parlament u tirnexxi kull fejn trid fil-ħajja”, żiedet tgħid.

“Iltqajt miegħu meta kien għadu mhux fil-politika”

Borg qalet li ltaqgħet ma’ Cutajar meta kien għadu mhux involut fil-politika waqt konferenza tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilità. Saħqet li bħala persuna Cutajar huwa bniedem kapaċissimu.

Bħala persuna li qed jonqosilha d-dawl ta’ għajnejha, Borg saħqet li Cutajar jagħtiha l-kuraġġ. Spjegat li anki affarijiet sempliċi, bħala kif ikun jaf x’inhu libes. Sostniet li affarijiet żgħar bħal dawn ikomplu jimlewha b’kuraġġ.

“Huwa kollox barra miskin”

Borg kompliet tispjega li ħafna mil-lingwaġġ li ġieli jsir dwar persuni b’abbiltajiet differenti jasal ħażin, bħallikieku huma ‘msieken’. Sostniet li l-kapaċitajiet u l-perseveranza ta’ Cutajar jagħrafhom kull min jiltaqa’ miegħu u jinduna li huwa kollox barra ‘miskin’.