Opportunità biex il-president li jmiss ma jkunx mill-PN jew PL – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hemm l-opportunità biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jagħżel president li jkun sinjal li ġejjin ir-riformi, liema president mhux bilfors ikun ġej minn xi kamp politiku.

Delia qal dan waqt intervista fuq NET FM illum. Fi kliem Delia, jekk Muscat verament iħobb lil Malta għandu jġib l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox u jilqa’ din l-“istedina serja” li qed jagħmillu. Qal li qatt ma kien hemm bżonn għall-għaqda daqskemm hemm illum. Delia żied jgħid li hemm bżonn ukoll tibdiliet kostituzzjonali u anke bidla fil-Kummissarju tal-Pulizija.

Delia tkellem ukoll dwar xi rakkommandazzjonijiet li għamlet il-Venice Commission li qal li jridu jsiru. Spjega li d-demokrazija mhix biss min jirbaħ l-elezzjoni, imma anke jekk wara l-istituzzjonijiet jaħdmux kif suppost. Kompla jgħid li l-istituzzjonijiet bdew jitherrew taħt il-Gvern Laburista.

Malta għandha bżonn aktar kontrolli u bilanċi għal titjib fir-rispett lejn il-liġijiet fil-pajjiż skont esperti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Dan ħareġ minn dak li qalet il-Venice Commission (The European Commission for Democracy through Law) li hija l-bord konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa għall-affarijiet kostituzzjonali dwar Malta.

Ivan Grech Mintoff mhedded

Delia qal li l-Kap tal-Alleanza Bidla Ivan Grech Mintoff kien qed jirċievi theddid kontra ħajtu għax kien qed jitkellem dwar il-każ ta’ Neville Gafà. Il-Kap tal-PN tkellem dwar kif il-Maltin għandhom l-obbligu li jiddefendu d-dritt tal-espressjoni. Fi kliem Delia, wieħed għandu jassigura d-dritt tal-persuni l-oħra biex jitkellmu mingħajr biża’ u li jkollhom il-protezzjoni kollha tal-liġi.

“Nistieden lill-awtoritajiet jagħtu protezzjoni lil Ivan Grech Mintoff” qal Delia.  Kompla jgħid li s-soċjetà tista’ tgħin billi taċċerta li dak li jkunu jgħidu xi nies jinstema’ u li nies li jaħsbu li persuna se toqgħod kwieta jindunaw li se jkun hemm nies oħrajn li se jkomplu jwasslu l-messaġġ. Dawn għandhom ikomplu jistaqsu l-istess mistoqsijiet ukoll.

Dan l-aħħar kien irrappurtat li s-Sur Gafà kien żar il-Libja u ltaqa’ ma’ uffiċjali tal-Gvern bħala l-mibgħut uffiċjali tal-Prim Ministru Malti. Gafà  aktar tard qal li mar fuq żjara personali. Imbagħad ħarġet l-allegazzjoni li kien iltaqa’ ma’ xhieda f’każ kontrih biex jipperswadihom ma jixhdux.  Fi kliem Delia, hemm ċertu nies li huma ‘l fuq mil-liġi f’Malta.

Delia żied jgħid li Joseph Muscat huwa maħkum minn deċiżjonijiet li kien ħa hu stess jew li ħadulu fil-passat. Hu rrefera għall-każ tal-Ministru Konrad Mizzi u li jkun diffiċli għal Muscat jittratta nies fil-qrib tiegħu b’mod differenti. Delia saħaq li l-PN kien ilu jgħid li idejn il-Prim Ministru huma marbutin.

Il-Gvern għandu jinforma aktar dwar Brexit – Delia

Dwar Brexit Delia qal li l-Gvern għandu jinforma lil dawk il-persuni li jiddependu fuq il-kummerċ mar-Renju Unit b’dak li se jkun qed jiġri wara Brexit. Qal li l-Gvern irid jipprepara lin-nies għall-futur.

Se tappoġġja tibdil kostituzzjonali? – Il-PL lil Delia

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Delia għandu jgħid jekk hux se jappoġġja tibdil kostituzzjonali “fuq liġijiet li ilhom fis-seħħ snin sħaħ u li ħafna minnhom introduċihom Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern.” Il-PL qal li d-diskors ta’ Delia kien “negattiv” u bl-“ebda rilevanza”.