Opinjonijiet differenti dwar is-servizz tal-isptar f’Għawdex

Read in English.

Wara li Newsbook.com.mt ippubblika esperjenza ta’ persuna li sostniet li ma nqdietx mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex għax ma kienx hemm tobba fl-emerġenza, kienu bosta li kkummentaw u sostnew li l-esperjenza li kellhom huma kienet waħda tajba.

Każ partikolari li spikka kien dak ta’ persuna li fi Frar li għadda kellha inċident u kisret ġenbejha. Spjegat kif it-trattament li ħadet fl-isptar f’Għawdex kien wieħed eċċellenti. Sostniet li minkejja li kien tard bil-lejl, il-konsulent kien hemm ukoll u baqa’ jistenna hemm sakemm l-xrays kollha kienu lesti.

Persuna oħra sostniet li dejjem esperjenzat servizz ta’ kwalità tajba u fakkret li kulħadd għandu jżomm f’moħħu li t-tobba ma jistgħux ikunu kullimkien il-ħin kollu. Irrimarkat li l-isptar t’Għawdex huwa wieħed żgħir u t-tobba u l-infermiera qed jagħmlu minn kollox biex ilaħħqu mad-domanda.

Persuna li esperjenzat tliet puplesijiet qalet li rċeviet servizz “brillanti” t-tliet darbiet li marret għall-kura.

Min-naħa l-oħra, xi persuni qablu mas-sors ta’ Newsbook.com.mt fejn spjegaw li huma wkoll esperjenzaw dewmien żejjed meta kienu qed jistennew għat-tabib fl-emerġenza.

Persuna patrikolari qalet li għamlet aktar minn sagħtejn tistenna meta bintha kellha d-deni li ma riedx jinżel bil-mediċina. Minkejja li qalet li tifhem li jaf it-tobba kienu qed jaqdu xi emerġenza akbar, staqsiet għalfejn f’mumenti kruċjali bħal dawk ma jissejjaħx tabib ieħor fl-emerġenza.

Persuna oħra rrimarkat li meta għamlet xi ġimgħatejn l-isptar, it-tobba kienu jdumu ħafna ma jiġu jarawha. Darboħra qalet li wara li sofriet xi ħruq u marret l-emerġenza għamlet minn tal-inqas siegħa tistenna għax ma kienx hemm tabib preżenti filwaqt li l-infermiera bdew jippruvaw jikkalmawha.