Operazzjoni biex jiġu salvati iktar minn 400 balena fl-Awstralja

Ritratt: Ryan Bloomfield

Ħaddiema tas-salvataġġ li qed jippruvaw isalvaw grupp ta’ baleni li telgħu fuq ix-xatt ‘il barra mill-gżira Awstraljana ta’ Tasmania nhar l-Erbgħa qalu li kienu sabu madwar 200 annimal ieħor maqbuda fiż-żona, biex b’hekk it-total tela’ għal 470, jiġifieri l-akbar għadd ta’ beaching ta’ annimali għall-pajjiż.

Hekk kif il-ħidma ta’ salvataġġ daħlet fit-tielet jum tagħha, ‘il barra mill-kosta t’isfel tal-gżira, il-ħaddiema qalu li kienu raw grupp kbir ieħor ta’ baleni suwed (pilot whales) matul ħidma ta’ sorveljanza mill-ajru fuq il-port remot ta’ Macquarie, u qalu li jaħsbu li bosta minnhom huma mejta.

“Ma jidhirx li huma f’pożizzjoni li nistgħu nsalvawhom,” qal Nic Deka, maniġer reġjonali tas-servizz ta’ Tasmania għall-Parks and Wildlife, meta tkellem matul konferenza stampa.

“Jidher li bosta minnhom huma mejta. Jekk nistgħu nsalvawhom lesti li nibagħtu ekwipaġġ fiż-żona biex jagħmlu dan.”

L-iskoperta hija waħda mill-akbar fenomeni ta’ annimali maqbuda fuq ix-xatt f’dan l-aħħar żmien fl-Awstralja, u tenfasizza fenomenu naturali li skont l-ixjentisti m’għandu l-ebda spjegazzjoni magħrufa. 

Fl-1996, 320 balena sewda telgħu fuq il-kosta ta’ Western Australia, f’dak li kien irrappurtat bħala l-akbar każ ta’ beaching fil-pajjiż.

Madwar 600 balena sewda telgħu fuq ix-xatt fi New Zealand fl-2017. Dawn it-tip ta’ baleni huma speċi ta’ delfin tal-oċean li jikber sa tul ta’ 7 metri (23 pied) u jistgħu jilħqu l-piż ta’ 3 tunnellati.

Mill-270 balena maqbuda li hemm barra minn Tasmania, tal-anqas 90 mietu u l-ħaddiema ta’ salvataġġ ħelsu madwar 25 minn meta waslu fuq is-sit nhar it-Tnejn li għadda, madwar 200 km (120 mil) fil-majjistral tal-belt kapitali Hobart.

It-tim ta’ xi 65 ħaddiem ta’ salvataġġ, magħmula minn ħaddiema fil-parks statali, sajjieda u volontiera, kienu qed jittamaw li jeħilsu aktar baleni nhar l-Erbgħa, proċess li jinvolvi li dawn jinżlu sa qaddhom fl-ilma ffriżat, iqabbdu l-irbit mal-annimali u joħorġuhom ‘il barra mill-port permezz ta’ dgħajsa.

“Għadna ma wasalniex f’punt fejn inqisu l-possibilità ta’ ewtanasja … imma dan il-ħsieb dejjem ikun f’moħħna,” qal Kris Carlyon, bijologu tal-annimali li jaħdem mal-aġenzija tal-konservazzjoni tal-gvern.

“Ninsabu ottimisti li llum jirnexxielna neħilsu aktar. Għad għandna tama qawwija.”

Ritratt: Ryan Bloomfield