“Operaturi turistiċi m’għandhomx ibatu minħabba l-aġir irresponsabbli ta’ Abela” – Grech

"Bżonn urġenti ta' djalogu soċjali veru mal-unjins kollha u trasparenza fis-settur edukattiv"

Bernard Grech

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li l-operaturi turistiċi m’għandhomx ikollom iġorru l-piż tal-problemi li ġab fuqhom “l-aġir irresponsabbli ta’ Robert Abela meta kien ta l-impressjoni li l-imxija tal-coronavirus kienet għaddiet minn Malta.

Fi stqarrija kien spjegat li Grech qal dan waqt laqgħa li kellu mar-rappreżentanti tal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA).

Grech qal li iktar minn qatt qabel hemm bżonn direzzjoni ċara u li l-pubbliku jerġa’ jrabbi fih sens ta’ responsabbilta’ ċivika biex setturi importanti bħalma hu dak tat-turiżmu jerġgħu jirpiljaw u jkomplu jiġġeneraw il-ġid. Insista li hemm bżonn li l-pajjiż jara x’miżuri jeħtieġ li jesplora sabiex isir iżjed attraenti. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-pajjiż irid ikun f’pożizzjoni li joffri l-aqwa sigurtà lit-turisti u jtihom is-serħan tal-moħħ li jwassal biex huma jibqgħu jagħżlu lil Malta għall-btala tagħhom.

Grech qal li kull meta pajjiżi oħrajn ipoġġu lil Malta f’listi ta’ kwarantina, din tħalli impatt fuq is-settur turistiku lokali kif ukoll fuq l-ekonomija u għalhekk l-aġir tal-Gvern għandu impatt dirett fuq dan is-settur u fuq setturi oħrajn tant importanti għall-ekonomija.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li huwa importanti li din l-ikbar industrija tkun salvata matul dan iż-żmien tal-pandemija u li l-Gvern jippjana l-futur ta’ din l-industrija għas-snin li ġejjin wara t-tmiem tal-pandemija. Huwa qal li l-pajjiż irid jibqa’ jassisti lil din l-industrija speċjalment jekk jinħoloq xenarju fejn il-virus jibqa’ preżenti u jsir in-normalità l-ġdida.  Zahra qal li x-xitwa li ġejja se tkun waħda li se toffri sfidi kbar għall-operaturi lokali u s-sitwazzjoni preżenti hi li jeħtieġu l-għajnuna kollha possibbli sabiex jiġġeneraw ftit attività ekonomika u biex ikunu jistgħu jsostnu lill-ħaddiema.

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll temi oħrajn fosthom is-sussidju għas-salarji tal-ħaddiema, skemi sabiex jinżammu l-persuni li diġa’ għandhom l-esperjenza u l-għarfien tas-settur, is-sitwazzjoni tar-ristoranti u ġiet imfaħħra l-iskema tal-vouchers. Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat ippreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-MHRA lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Jiltaqa’ wkoll mal-UPE

Illum, Grech iltaqa’ wkoll mal-Union tal-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers). Flimkien magħhom iddiskuta l-bżonn urġenti ta’ djalogu soċjali veru mal-unjins kollha u trasparenza fis-settur edukattiv, speċjalment f’dan il-mument straordinarju minħabba l-pandemija tal-COVID-19. 

Bernard Grech saħaq li l-għalliema kienu kapaċi jaddattaw rwieħhom biex jibqgħu jedukaw lit-tfal u ż-żgħażagħ, minkejja r-restrizzjonijiet soċjali li qed jitħaddmu. Huwa tenna l-appell li l-Gvern jikkomunika regolarment mal-għalliema u mal-unjins li jirrapreżentawhom.

Matul il-laqgħa, l-Kap Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone spjega kif l-union hija waħda żagħżugħa li qed tikber ukoll fl-ammont ta’ membri. Huwa spjega kif il-UPE trid li tkun parteċipi fid-diskussjonijiet iżda taffaċċja wkoll ostakli fosthom l-aċċess fl-iskejjel meta tiġi mċaħħda mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, minkejja li għandha dritt. Huma spjegaw kif fl-aħħar snin seħħew għadd kbir ta’ tibdiliet f’daqqa fis-settur edukattiv u dan wassal għal inċertezza fost l-għalliema.