Operaturi jridu li s-settur marittimu jkun f’awtorità għalih

Operaturi fil-qasam marittimu sostnew ma’ Newsbook.com.mt li wara t-tibdil fil-Kabinett kienu qed jistennew ukoll tibdil fl-Awtoritajiet u Dipartimenti Governattivi.
Aġenti u operaturi fil-bunkering qalu li kienu qed jistennew li Transport Malta tinqasam u s-settur marittimu jkollu Ministeru għalih.
Dan fid-dawl tal-ħolqien taċ-Ċentru Marittimu li l-Gvern qiegħed jaħdem fuqu.
Dawn l-operaturi qed iħossu l-ħtieġa li l-oqsma tat-trasport, marittimu u l-avjazzjoni ma jkunux taħt l-istess Awtorità għaliex għandhom ħtiġijiet differenti.
Ma’ Newsbook.com.mt, dawn l-operaturi fil-qasam marittimu qalu li jekk il-Gvern jiffoka fuq Awtorità Marittima, jkun jista’ jintroduċi ideat u inizjattivi ġodda bħat-tisbiħ tal-portijiet u bdil fil-liġijiet tal-port.
L-operaturi qalu li s-settur kollu marittimu jrid li ċ-ċentru marittimu jkun suċċess u hawn stennija kbira għalih.
Dan biex jiżdiedu l-vapuri li jaslu Malta filwaqt li jiżdied ukoll ix-xogħol.
Fil-ġimgħat li għaddew, sorsi qrib Kastilja sostnew ma’ Newsbook.com.mt li l-Gvern qed jikkunsidra li fiċ-ċentru marittimu jsiru wkoll tiswijiet fuq rigs taż-żejt.