Operaturi għandhom informazzjoni dwar il-mowbajl ta’ Keith Schembri

Read in English.

Kumpanija lokali tat-telefonija għandha fil-pussess tagħha informazzjoni dwar iċ-ċellulari ta’ Keith Schembri. L-informazzjoni tinkludi l-ħinijiet tat-telefonati, sms mibgħuta, il-lokazzjoni tat-telefonati u data dwar l-użu tal-GPS tal-aħħar sena.

Skont The Malta Independent on Sunday, diversi operaturi tat-telefonija f’Malta għandhom t-tagħmir neċessarju biex jillokalizzaw it-telefown mitluf ta’ Schembri.

Meta ġie arrestat fis-26 ta’ Novembru – wara l-allegazzjonijiet ta’ Yorgen Fenech li ċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien għaddielu nota waqt li kien d-depot tal-pulizija, Schembri kien qal lill-Pulizija li tilef il-mowbajl tiegħu.

Mill-investigazzjonijiet li saru ġie stabbilit li l-mowbajl ta’ Schembri ntefa għall-ħabta tal-5am nhar is-26 ta’ Novembru. Minn dakinhar ‘l hawn il-mowbajl qatt ma reġa’ ntuża. Fl-istess jum huwa kien imsejjaħ id-Depot għall-ħabta tas-6.30am.

It-Times of Malta kienet irrapportat li l-investigaturi kienu ġabru data tal-mowbajl mill-operaturi lokali biex jistabbilixxu meta u fejn il-mowbajl ta’ Schembri deher l-aħħar fuq in-netwerk tat-telekomunikazzjoni f’Malta.