Operaturi ekonomiċi rreġistrati mal-Gvern għat-tenders jittripplaw

Fl-aħħar sena, dawk irreġistrati biex ikunu jistgħu japplikaw għal tenders tal-Gvern onlajn, ittripplaw billi żdiedu b’iktar minn 26,000 operatur ekonomiku.
800 minnhom huma barranin.
Il-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar, qal dan fl-ewwel laqgħa ta’ diskussjoni ma’ operaturi ekonomiċi dwar kif is-Servizz Pubbliku qed jiffaċilita l-proċedura b’rabta mal-għoti ta’ kuntratti.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li t-tenders, sa sentejn ilu, kienu jieħdu bejn 233 jum u 278 jum biex jiġu evalwati u jingħata l-kuntratt.
Issa l-medja tniżżlet għal 115-il jum waqt li l-medja tal-UE hi ta’ 88 ġurnata.
Mario Cutajar semma s-servizz ġdid tal-Customer Care offrut mid-Dipartiment tal-Kuntratti, li minn Ottubru s’issa laqa’ iktar minn 1,700 telefonata minn operaturi ekonomiċi, waqt li spjega li din is-sena l-Gvern se jniedi one-stop-shops biex joffri servizz ta’ kwalità lill-pubbliku.
Se jsiru wkoll iktar laqgħat mal-operaturi ekonomiċi wara  li l-ewwel inizjattiva ntlaqgħet b’mod tajjeb.