Filmat: “Operaturi barranin jaħsbuha darbtejn jiġux Malta”

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Anton Borg tkellem dwar il-kummenti li għamel din il-ġimgħa fuq il-perċezzjoni ta’ korruzzjoni u kif din taffettwa l-ekonomija.
Waqt intervista ma' Jes Saliba fil-programm Newsbook fuq RTK, Borg qal li sakemm jibqa’ n-nuqqas ta’ trasparenza, se tkompli tikber din il-perċezzjoni.
Saħaq li huwa essenzjali li kull akkuża li ssir fil-kuntest ta’ korruzzjoni minħabba nuqqas ta’ trasparenza għandha tiġi ċċarata minnufih.
Huwa għamel referenza għall-kwistjoni tas-sidien ta’ l-Egrant, u jekk kien hemm mod kif xniegħat u akkużi setgħu jiġu indirizzati qabel, kien jagħmel iktar sens li kieku dawn ġew indirizzati qabel u mhux ħallew li jinfirxu x-xniegħat.
Qal li l-pajjiż għandu jevita li jkun hemm nuqqas ta’ trasparenza li twassal għal żieda fil-perċezzjoni ta’ korruzzjoni.
"Investituri barranin jaħsbuha darbtejn"
Dan hu importanti minħabba l-fatt li operaturi f’sezzjonijiet varji tal-Kamra tal-Kummerċ, fosthom dawk fis-servizzi finanzjarji qegħdin jirraportaw li klijenti barranin qed jaħsbuha darbtejn jiġux Malta minħabba t-tnaqqis fl-Attractiveness Survey u minħabba l-inżul fil-Corruption Perception Survey.
Borg spjega li għall-ekonomija ta’ pajjiżna huwa importanti li la jkun hemm korruzzjoni u lanqas perċezzjoni tagħha għax anke jekk l-investiment għadu ġej, l-investiment seta’ ġie b’rata akbar.
"Ir-riżorsi umani mhux ilaħħqu mat-tkabbir ekonomiku"
Jekk sa ftit tas-snin ilu, l-ikbar sfida għall-operaturi Maltin kienet l-aċċess għall-finanzi, illum l-ikbar sfida li qed jaraw l-operaturi ekonomiċi f’Malta hija l-kwistjoni tar-riżorsi umani bil-ħiliet neċessarji għall-impjiegi li l-ekonomija qed toħloq.
Saħaq li filwaqt li ma jara xejn ħażin li barranin jaħdmu f’pajjiżna, spjega li biex dan isir iridu jkunu aġevolati u mhux jinħolqu strutturi burokratiċi li joħonqu dan.
Huwa elenka problemi ta’ visas, problemi ta’ ftuh ta’ kontijiet bankarji u anke aspetti oħra. Spjega li wieħed irid iħares ukoll lejn il-ħtieġa li l-infrastruttura ta’ Malta tkun tlaħħaq ma’ dan it-tkabbir li qed ngħixu.
"Il-vijabilità tal-Air Malta"
Anton Borg tkellem ukoll dwar l-Air Malta fejn  qal li din trid tgħaddi minn ristrutturar.
Saħaq li hemm bżonn li tiġi indirizzata l-problema ta’ l-ammont ta’ ħaddiema u ristrutturar tal-work practices.
Semma li l-Gvern irid jassumi t-telf li hemm waqt li spjega li l-Kamra tal-Kummerċ temmen li l-kumpanija għandha titmexxa minn tliet tipi ta’ shareholders: is-sieħeb strateġiku mis-settur tal-avjazzjoni; il-Gvern; u l-kumplament imur għall-pubbliku fuq l-istock exchange.