Opera vs Pop Under the Stars għat-12-il darba!

Għat-12-il sena konsekuttiva, il-Gozo Youth Orchestra taħt id-direzzjoni tal-Fundatur u Direttur tagħha Mro Dr Joseph Grech se  terġa’ tippreżenta l-ispettaklu mużikali  Opera vs Pop Under the Stars.

Dan l-ispettaklu se jittella’ nhar it-Tnejn 29 ta’ Lulju 2019 fit-8.30pm, fil-Bitħa tal-Ministeru għal Għawdex Victoria bil-kolloborazzjoi sħiħa tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Ambaxxata Amerikana f’Malta.

Matul dan il-kunċert annwali tant mistenni se jieħdu sehem is-Sopran Għawdxija li tgħix f’New York Pamela Agius, it-Tenur Joseph Aquilina u l-kantant popolari Ludwig Galea.  Fl-ewwel parti tal-programm il-pubbliku se jkun jista’ jisma’ siltiet minn Opri magħrufa flimkien ma’ mużika klassika filwaqt li wara l-intervall, l-Orkestra se tagħtina repertorju ta’ arranġamenti mużikali Pop flimkien ma’ sound tracks minn Films u Musicals. Jippresiedu l-kunċert l-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana u x-Charge d’Affairs tal-Ambaxxata Amerikana f’Malta Mr  Mark A. Schapiro.

Imwaqqfa fl-2002, il-Gozo Youth Wind Band & Orchestra, li tikkonsisti f’żewġ gruppi separati ta’ mużiċisti żgħażagħ ferm promettenti, qatt ma waqfet milli tiddeverti lill-pubbliku  Malti u Għawdxi b’repertorju twil ta’ mużika varjata għall-familja kollha. Ġejjin minn kull rokna t’Għawdex u msaħħa minn mużiċisti t’esperjenza wħud minnhom residenti barranin li jgħixu fostna, il-Gozo Youth Wind Band & Orchestra matul is-snin tat spettakli mużikali ta’ livell għoli kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta.  Din l-idea kienet twieldet riżultat tal-miġja fostna  tad-Derbyshire City & County Youth Wind Band & Orchestra fl-2001 mir-Renju Unit.

Opera Vs pop Under the Stars għandu l-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex, l-Ambaxxata Amerikana f’Malta, it-Taqsima tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, lil Bank of Valletta. l-HSBC u lil MTA għall-għajnuna siewja tagħhom.

Min jixtieq jirreserva post huwa  ġentilment mitlub jibgħat email f’dan l-indirizz elettroniku gozowindbandorchestra@yahoo.co.uk jew ċemplu 99421611/79421611.