Open weekend b’xejn fil-Kurja tal-Arċisqof

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

Il-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku nhar is-Sibt 20 u l-Ħadd 21 ta’ Lulju 2019 fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Kalċidonju. Id-dħul huwa b’xejn.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li l-pubbliku hu mistieden iżur il-bini tal-Kurja li kien magħruf bħala Casa Manresa u jara x-xogħol ta’ restawr li qed isir.

“Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jammiraw l-arkitettura Barokka u jaraw id-diversi opri tal-arti li jinsabu fis-sala tar-refettorju, fil-kurituri, fis-sagristija u fil-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Manresa fejn hemm ir-relikwi ta’ San Kalċidonju. Se jsiru taħdidiet informattivi dwar l-istorja tal-Kurja tal-Arċisqof, il-pitturi li qed jiġu rrestawrati, u dwar il-ħidma pastorali u amministrattiva tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.”

“Matul dawn il-jumejn se jittellgħu wkoll kunċerti fil-bitħa ċentrali, waqt li fis-sagristija se tittella’ l-wirja ‘Fragments of Faith’ b’dokumenti mill-Arkivju Djoċesan li jmorru lura għas-seklu 16. Fl-ewwel sular il-viżitaturi jistgħu jaraw il-wirja ‘Sacrifice of the Lambs’, 15-il pittura tal-artist Joseph Calleja. Min jattendi jista’ jieħu sehem f’treasure hunt marbuta mal-istorja, mal-bini, u mal-pitturi tal-Kurja.”

Casa Manresa se tkun miftuħa għall-pubbliku s-Sibt 20 ta’ Lulju bejn il-5pm u d-9pm, u l-Ħadd 21 ta’ Lulju bejn id-9am u s-1pm.

Is-Sibt fis-7pm u l-Ħadd fl-10am se tiġi ċċelebrata quddiesa fil-kappella tal-Madonna ta’ Manresa.

Il-programm b’attivitajiet kull siegħa, se jkun disponibbli online.

L-Arċidjoċesi qalet li donazzjonijiet b’risq The Archbishop’s Charity Fund jiġu apprezzati.