Open Day għar-reklutaġġ mis-St John Rescue Corps

St John Rescue Corps qed jistiednu lil kull min huwa nteressat biex jattendi għal open day li se ssir fil-Forti Madalena, fil-Madliena nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar bejn l-10 ta’ filgħodu u l-4 ta’ wara nofsinhar.
Matul din l-open day, dawk interessati jistgħu wkoll jissieħbu f’dan il-korp.
F'din il-ġurnata se jkun hemm wirja ta’ għodda li tintuża waqt is-salvataġġ, tours bi gwida madwar il-forti u se jingħataw pariri siewja dwar kif wieħed jista’ jevita u jikkontrolla nirien fil-kċina.
Se jsiru wkoll dimostrazzjonijiet ta’ salvataġġ mill-għoli u dimostrazzjoni ta’ salvataġġ li jsir f’inċidenti tat-traffiku.
Il-pubbliku li jattendi ser ikollu l-possibilta’ li jagħmel abseiling.
Il-Korp huwa magħmul minn volontiera li joffru s-servizz tagħhom lil komunità waqt attivitajiet u emerġenzi nazzjonali.
Apparti volontiera li huma nteressati fis-salvataġġ, is-St John Rescue Corps jilqgħu wkoll volontiera li jistgħu jgħinu fl-amministrazzjoni, fil-manutenzjoni u fil-loġistika.
Kull min huwa nteressat li jingħaqad mas-St John Rescue Corps jista’ jagħmel dan matul l-open day jew iżur il-Forti Madalena kull nhar ta’ Sibt bejn is-2 s-6 ta’ filgħaxija.
Għal aktar informazzjoni dwar ir-reklutaġġ, wieħed jista’ jibgħat imejl fuq join@stjohnrescuecorps.org, iżur il-paġna tal-Facebook www.facebook.com/stjrc jew is-sit elettroniku www.stjohnrescuecorps.org.

Ritratti: St John Rescue Corps