Malta lesta tieħu 39 immigrant; deċiżjoni li qed toħloq tensjoni – Open Arms

Read in English.

Id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jieħu d-39 immigrant abbord iżda mhux l-121 l-oħra li ilhom disat ijiem bejn sema u ilma qed toħloq tensjoni abbord, skont l-Open Arms.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern irribatta billi qal li s-salvataġġ ta’ 39 immigrant mill-bastiment Open Arms qed jintuża mill-għaqda mhux governattiva biex iġiegħel lil Malta tieħu wkoll l-121 immigrant l-oħra li Malta mhix responsabbli minnhom.

Il-Gvern Malti fi stqarrija sostna li diġà kien hemm ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta fis-seħħ biex tiġbor id-39 immigrant li tinstabu fl-ibħra territorjali Maltin. Il-Forzi Armati offrew lill-bastiment Open Arms biex jieħdu l-immigranti. Madanakollu, l-għaqda ta’ salvataġġ baqgħet tinsisti li l-Gvern Malti għandu jiġbor ukoll il-121 immigrant ieħor li ilhom disat ijiem fuq il-bastiment.

Il-Gvern Malti qal li Malta ma tistax tassumi r-responsabbiltà hekk kif soluzzjonijiet oħra ma ġewx provduti.

Min-naħa tagħha, Open Arms qalet li l-Gvern Malti qabel li jieħu d-39 immigrant iżda mhux il-121 persuna l-oħra li ilhom disat ijiem abbord il-bastimenti.

Dan qed joħloq tensjoni u problemi ta’ sigurtà fost l-immigranti. Open Arms qalet li l-livell ta’ ansjetà laħaq livelli mhux sostenibbli.

L-aġenzija Alarm Phone tellgħet l-aħbar tas-salvatġġ fuq Twitter b’ton ironiku bil-kliem “xibka straordinarja ta’ solidarjetà.”

Ilbieraħ l-attur Amerikan Richard Gere żar il-bastiment Spanjol Open Arms li bħalissa jinsab bejn sema u ilma jistenna lil xi pajjiż fil-viċinanzi joffrilu port ta’ sigurtà.

Proactiva Open Arms ħarġet ritratti fuq Twitter tal-wasla tal-konsenja tal-ikel fuq il-bastiment flimkien ma’ Gere nnifsu jqassam l-ikel. Hu wasal fuq il-bastiment permezz ta’ yacht b’sinjal li jgħid “M’intomx waħedkom”.