Omzigt jerġa’ jitlob għar-riżenja immedjata ta’ Muscat

Pieter Omtzigt reġa’ talab mill-ġdid għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Omtzigt huwa r-rapporteur dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE).

Omtzigt sostna li din it-talba tiegħu qed jagħmilha wara l-aħħar xhieda li ħarġet fil-Qorti li “b’mod dirett timplika l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’ħidma li wasslet għal assassinju. Hu qal li hemm bżonn li ssir investigazzjoni immedjata tal-allegazzjonijiet li membri tal-uffiċċju tiegħu kienu implikati fl-assassinju u anke ħadmu biex ħbewh. Sostna li hu u jiggranfa mal-uffiċċju, Muscat qed jirriskja li jimmina l-investigazzjoni u jagħmel aktar ħsara lill-istituzzjonijiet Maltin u r-reputazzjoni internazzjonali tal-pajjiż.

Omzigt ikkwota tliet punti li semma Theuma lbieraħ fil-Qorti:

  • “Kenneth” li qal li jaħdem mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal lil Theuma li t-tliet suspettati se jingħataw bail u jirċievu €1 miljun kull wieħed. Qal li wara li fil-Qorti ħareġ dan, l-impjegat ġie identifikat bħala Kennet Camilleri, li serva bħala bodyguard għall-Prim Ministru barra minn Malta u li qabel kien involut fi vjaġġ sigriet lejn il-Libja ma’ Neville Gafa, impjegat ieħor tal-OPM.
  • Yorgen Fenech qal lil Theuma biex jistenna telefonata mingħand Sandro Craus, uffiċċjal tal-OPM. Craus stieden lil Theuma f’Kastilja fejn hemm iltaqa’ ma’ Keith Schembri li dak iż-żmien kien għadu Chief of Staff. Qal li hemm ritratt li huwa xhieda ta’ dan.
  • Craus impjega lil Theuma mal-Gvern, li jidher li kien qed jitħallas għalih mingħajr ma verament jaħdem. Qal li dan ġie kkonfermat aktar tard mis-servizzi ċivili.

Intant, Omtzigt qal li fuq nota aktar pożittiva, illum bdiet l-inkjesta pubblika indipendenti. Sostna li dan qed isir aktar minn xahrejn wara ż-żmien stipulat mill-istess Assemblea li jagħmel parti minnha.

“Naddaf il-ħmieġ” – Soċjalisti, xellugin u progressivi lill-PL

360 individwu u għaqda Soċjalista, xellugin u progressivi talbu lill-Partit Laburista inaddaf il-ħmieġ li ħallew membri tal-klassi tan-negozjanti bir-relazzjoni “indiċenti” tagħhom ma’ membri tal-Gvern.

Din l-ittra intbagħtet minn Moviment Graffitti lill-membri kollha tal-Kabinett dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż. Il-firmatarji esprimew l-għadab tagħhom lejn is-sitwazzjoni preżenti u nnutaw li l-klassi tan-negozjanti kisbet poter bla precedent fuq il-politika, b’effetti li jinħassu fuq il-poplu b’mod dirett.

Huma talbu wkoll għal investigazzjoni immedjata u possibilment ir-revokazzjoni tal-privatizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet ħielsa mill-ktajjen tal-partiġġjaniżmu politiku u mill-indħil ta’ min għandu saħħa politika jew ekonomika u li tieqaf il-liġi tal-ġungla fejn min għandu l-flus iħoss li huwa ogħla mil-liġi.

Fost il-firmatarji hemm ħaddiema, studenti, akkademiċi, artisti, ġurnalisti u attivisti tal-Partit Laburista.

“L-awtoritajiet m’huma qed jagħmlu xejn dwar il-hate speech” – SOS Malta

L-għaqda SOS Malta qalet li tinsab allarmata bit-tolleranza li l-awtoritajiet jidher li għandhom lejn diskors vjolenti u ta’ theddid f’postijiet pubbliċi, inkluż fuq il-media soċjali.

Hija sostniet li minkejja ż-żieda ta’ dan it-tip ta’ diskors fit-toroq, l-awtoritajiet jidher li ma ħadu l-ebda tip ta’ azzjoni konkreta biex ikun hemm proċedimenti kriminali kontra dan l-aġir.

SOS Malta kkundannat n-nuqqas ta’ azzjoni li kkontribwixxiet għal żieda abbużiva u inaċċettabbli ta’ intolleranza, diskriminazzjoni u anke fanatiċiżmu.

“Ir-riżenja tal-PM kienet inevitabbli” – MDA

L-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Malti (MDA) sostniet li r-riżenja tal-Prim Ministru kienet waħda inevitabbli. Intant awgurat li l-Partit Laburista jiddeċiedi fi żmien qasir dwar il-kap il-ġdid tiegħu.

L-Assoċjazzjoni sostniet li l-pajjiż qed jaffaċċja diffikultà biex ireġġa lura l-livelli etiċi u l-istandards morali li jistħoqqlu l-pajjiż. Qalet li l-mod li Malta qed titpitter fil-media internazzjonali qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiż u r-reputazzjoni tiegħu. Dan qed iħalli impatt negattiv ukoll fuq l-ekonomija.