Omtzigt jispjega lil Dalli għalfejn huwa “ta’ diżunur”

Il-Membru Parlamentari tan-Netherlands Pieter Omtzigt bagħat ittra lill-eks Kummissarju Ewropew John Dalli biex jispjegalu għalfejn kien qal li Dalli huwa “ta’ diżunur”. Dan wara li Dalli, li kellu jirreżenja minħabba li kien involut fi skandlu, kiteb lir-rapporteur għall-Assemblea Parlamentari għall-Kunsill tal-Ewropa, Pieter Omtzigt, u staqsieh għaliex iddeskrivieh bħala politiku ta’ diżunur. Dalli kiteb li jrid skuża pubblika mingħandu.

Pieter Omtzigt qal li l-ittra u dokumenti oħra li bgħatlu John Dalli jkopru diversi affarijiet li jmorru oltre mir-rapport li għamel u li minflok dawn jiffokaw fuq dettalji tas-sitwazzjoni ta’ Dalli.

Omtzigt qal li l-ewwel kwistjoni li semma Dalli hija li r-rapport tiegħu ġie minn xi ħadd Malti. Omtzigt qal li Dalli ma semmiex lil din il-persuna b’isimha u spjegalu li r-rapport kien frott ix-xogħol tiegħu – ma kien hemm l-ebda Malti warajh.

Dalli staqsih ukoll għalfejn sejjaħlu “ta’ diżunur” (disgraced).

Dalli jrid skuża pubblika mingħand Omtzigt talli sejjaħlu “ta’ diżunur”

Omtzigt fakkru li r-rapport tal-OLAF tal-2012 kien sab li dalli poġġa r-reputazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’riskju quddiem għajnejn il-produtturi tat-tabakk u potenzjalment quddiem il-pubbliku. Ir-rapport kien sab inkonsistenzi fl-istqarrijiet ta’ Dalli.

Omtzigt fakkru wkoll li Dalli bagħat ir-riżenja tiegħu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso ta’ dak iż-żmien fid-dawl ta’ dan l-istess rapport.

Omtzigt qal ukoll li din is-sena il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet il-kritika ta’ Dalli li għamel kontra l-OLAF u l-Kummissjoni dwar kif imxew miegħu.

“Filwaqt li inti ma taċċettax dawn il-ġudizzji, jiena m’għandix raġuni għalfejn għandi nagħmel hekk jiena,” qal Omtzigt lil Dalli.

Omtzigt fakkar lil Dalli wkoll bir-rapport tal-Grupp ta’ Stati ta’ Kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) li kien ikkirtika lil Malta peress li eks uffiċjali li kienu involuti f’azzjonijiet dubjużi kienu ingħataw funzjonijiet prominenti fil-gvern. Ir-rapport kien għamel referenza għal Dalli li kien ġie appuntat bħala konsulent speċjali għall-Gvern għal kwistjonijiet marbutin mas-saħħa fl-2013.

B’rabta ma’ dan, Omtzigt għamel referenza wkoll għal dak li kien qal kumitat ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew li kien sab li l-ħatra tiegħu bħala konsulent tal-Prim Ministru wara r-riżenja tiegħu “disturbanti”. Dan minflok ma tressaq il-Qorti akkużat b’tixħim u korruzzjoni.

Omtzigt qal li Dalli kellu wkoll kwistjoni bir-referenza li saret għal dak li qalet il-ġurnalista assasinata Daphne Caruana Galizia li seta’ kellu rwol fl-għoti ta’ kuntratt tal-gvern lil Vitals Global Healthcare (VGH).

Omtzigt qal li daħħal din ir-referenza bħala possibilità tal-identifikazzjoni tat-tielet persuna involuta fl-imsemmija attività. Omtzigt qal li għamel dan minħabba t-track-record tajba li kellha Caruana Galizia bħala ġurnalista investigattiva.

Omtzigt qal ukoll li Dalli qajjem ukoll ir-referenza li saret għall-kont tal-bank li kellu mal-Pilatus Bank. Omtzigt innota li Dalli ma ċaħadx li din kienet il-verità.

Omtzigt qal li tidher stramba li persuna fil-pożizzjoni ta’ Dalli taħdem ma’ bank bħal Pilatus li fi kliem l-MP ġie espost għall-affarijiet dubjużi li kien jagħmel. Spjega li Dalli daħħal €1,000 biex allegatament jara x’servizzi joffri l-bank meta seta’ jistaqsi lill-bank għal din l-informazzjoni li setgħet tingħatalu b’xejn.

Omtzigt ikkonkluda billi qal li fid-dawl ta’ dan kollu jara li m’għandux għalfejn jiskuża ruħu ma’ Dalli. Temm jgħid li lest jinsa l-akkużi u l-insulti li tefa’ Dalli.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa minn hawn: