Omtzigt jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għal Malta

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt laqa’ r-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Ombudsman għal Malta fir-rapport tiegħu għall-2019. Omtzigt iddeskriva r-rapport dwar l-avvenimenti li ġraw fl-2019 bħala “onest u ta’ impatt”.

Hu kompla billi ppubblika lista’ ta’ tweets bi kwotazzjonijiet mir-rapport li l-aktar laqtuh u li ħadd li kienu fost l-aktar kruċjali.

L-Ombudsman Parlamentari, Anthony Mifsud, iddeskriva s-sena 2019 bħala sena ta’ taqlib li ġebet magħha tibdiliet drastiċi fis-soċjetà ċivili, l-amministrazzjoni pubblika u l-gvern. Hu qal li dawn it-tibdiliet se jkollhom impatt li se jdum jinħass fuq il-ħajja tal-pajjiż, il-mod kif dan ikun amministrat, il-poter taċ-ċittadini u wkoll fuq it-tisħiħ taċ-checks and balances li hemm bżonn biex wieħed jassigura s-saltna tad-dritt u t-tneħħija tal-abbuż tal-poter.

Hu ħares b’mod partikolari lejn ix-xogħol tal-Kummissjoni Venezja u l-proposti li għamlet għal Malta. Ħares ukoll lejn il-mod kif Malta mxiet biex tħares, tiddiskuti u eventwalment timplementi xi wħud minn dawn il-proposti. Hu rrimarka kif dak li qalet il-Kummissjoni Venezja kien jirrifleti wħud mir-rakkomandazzjonijiet li għamel hu fil-passat. Qal li l-Kummissjoni Venezja serviet bħala konferma li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu kienu f’posthom u b’hekk tawhom aktar valur u saħħa.

Kompla jgħid li ċ-ċirkustanzi urew b’mod ċar il-bżonn li tissaħħaħ il-kostituzzjoni u s-setup leġiżlattiv sabiex bejniethom jiggarantixxu trasparenza u akkontabilità tal-amministrazzjoni pubblika. Dan permezz ta’ mekkaniżmi aktar b’saħħithom u effettivi li huma indipendenti u awtonomi. Intant, qal li l-awtoritajiet kollha li qed jinħolqu bil-liġi u li għandhom funzjoni speċifika u esklussiva biex jgħassu l-amministrazzjoni pubblika, bħall-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika, għandhom ikunu rikonoxxuti skont il-kostituzzjoni u rregolati. L-Ombudsman ippropona li dawn għandhom jaqgħu taħt il-kapitolu li jħares lejn il-leġiżlatura tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, dan ladarba hawn riforma kostituzzjonali fil-pajjiż.

Fir-rapport, Mifsud spjega li din kienet sena meta s-soċjetà ċivili saret aktar organizzata, voċifera u proattiva. Qal li kienet imħeġġa tagħmel dan wara avvenimenti drammatiċi li esponew konnessjonijiet negattivi u korrotti bejn dak li jgħiduli l-big business u l-amministrazzjoni pubblika. Sostna li kien dawn il-passi tas-soċjetà ċivili flimkien ma’ fatturi oħrajn li wasslu sabiex taqa’ l-amministrazzjoni li kellha s-sapport ta’ maġġoranza kbira mill-elettorat.

Hu tkellem b’mod partikolari dwar il-mod kif il-Gvern, fl-2019, beda billi jimplementa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u kkaraterizza din is-sezzjoni tad-dokument bħala “nuqqas ta’ konsultazzjoni”.

L-Ombudsman innota li l-Gvern iddikkjara l-intenzjoni li jimplementa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. Hu nnota wkoll l-abbozzi li jemendaw l-Att dwar l-Ombudsman u l-Kostituzzjoni li tressqu quddiem il-Parlament u għaddew mill-fażi tal-ewwel qari. Minkejja dan qal li hu qatt ma kien notifikat dwar il-kontenut u s-sustanza ta’ dawn l-abbozzi dwar l-irwol tiegħu u li ħadd li kellu jkun ikkonsultat dwarhom minn qabel ma ġew ippreżentati fil-Parlament. Sostna li huwa diffiċli li xi ħadd jifhem għaliex ma kienx hemm konsultazzjoni mal-awtorità li hija direttament interessata fil-leġiżlazzjoni li qed tiġi proposta. Sostna li dan ma jissapportjax id-diska tal-gvern li jgħid li huwa miftuħ u li jilqa’ l-parteċipazzjoni pubblika.

Irrimarka li jekk il-Gvern irid jemenda l-Kostituzzjon biex jimplementa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, l-Ombudsman qed jistenna li dawn l-emendi jkunu kkunsidrati fid-dawl tal-Proġett tar-Riforma Kostituzzjonali li jidher li hemm fis-seħħ.

Il-Kummissjoni Venezja (Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi) hija kunsill Ewropew, konsultattitiv u indipendenti, li jħares lejn problemi fil-liġijiet kostituzzjonali, inkluż il-funzjoni ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, drittijiet fundamentali, liġijiet eettorali u ġustizzja kostituzzjonali.

“Ħtieġa ta’ riforma sħiħa” – Ombudsman

L-Ombudsman Parlamentari ltaqa’ mal-President tal-Kamra tad-Deputati u l-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jippreżenta r-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman tal-2019.

Ir-Rapport Annwali jiddeskrivi l-2019, bħala sena ta’ inċertezza u ferment li ġabet magħha tibdil drastiku fis-soċjetà ċivili, l-amministrazzjoni u l-gvern.  Tibdil li se jħalli impatt fuq il-mod kif jimxi l-pajjiż, fuq il-mod kif huwa amministrat u fuq il-vuċi taċ-ċittadini.

Qal li l-ġrajjiet li seħħew matul l-2019 u l-fatti serji u inkwetanti li ġew żvelati wasslu biex ikun hemm kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa illi jittieħdu miżuri urġenti.  Matul is-snin l-Ombudsman wera t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqasijiet amministrattivi li kienu qed ixekklu l-governanza tajba, in-nuqqas ta’ trasparenza u kontabilitá.  L-Uffiċċju tal-Ombudsman ilu snin iressaq proposti dwar il-ħtieġa li jsiru riformi. Qal li r-riformi jeħtieġ li jiffavorixxu u jassiguraw it-trasparenza u l-kontabilità u jippromwovu livell għoli ta’ parteċipazzjoni attiva mill-pubbliku.  Semma li r-riformi għandhom ibiddlu radikalment l-amministrazzjoni pubblika biex jassiguraw li l-ħidma tkun qed issir esklussivament fl-interess tal-ġid komuni għal kulħadd u mhux favur il-ftit korrotti.

Huwa f’dan l-ispirtu li l-Ombudsman laqa’ l-Opinjoni dwar il-proposti fit-tibdil leġislattiv approvati mill-Kummissjoni Venezja u l-impenn tal-gvern li jimplimentahom.  L-Ombudsman se jagħti l-kontribut tiegħu fid-diskussjoni kontinwa dwar ir-riformi kostituzzjonali u leġislattivi b’mod speċjali f’dawk l-oqsma li jolqtu direttament id-doveri tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-affermazzjoni tad-dritt fundamentali tagħhom għall-amministrazzjoni pubblika tajba.

It-total tal-ilmenti li tressqu

Matul l-2019, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva 592 ilment li minnhom 336 ġew investigati mill-Ombudsman Parlamentari, 104 ġew investigati mill-Kummissarju għas-Saħħa, 84 każ mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar u l-kumplament jiġifieri 68 każ ġew investigati mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni.