Omtzigt isejjaħ għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-korruzzjoni f’Malta

Read in English.

Ir-rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt sejjaħ għal investigazzjoni internazzjonali bl-għajnuna tal-Europol dwar il-korruzzjoni f’Malta.

Reċentament għadd ta’ NGOs tal-ħelsien tal-midja sejħu lill-Avukat Ġenerali Malti biex jiftaħ l-hekk imsejjaħ Joint Investigation Team (JIT) dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

It-tifel tal-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia, qal lil Newsbook.com.mt li r-raġuni għalfejn Malta qed tirrifjuta l-għajnuna minn barra tista’ tkun biss waħda ħażina. Qal li qed isir cover up tal-korruzzjoni li wasslet għall-qtil ta’ ommu.

Newsbook.com.mt staqsa lill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali għalfejn mhux se jkun qed jitlob għal JIT imma baqa’ bla risposta sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu. Il-mistoqsijiet intbgħatu fis-17 ta’ Marzu.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll lill-Pulizija jekk hix favur jew kontra li jibda JIT. Kelliem għall-Pulizija qal li “l-Pulizija qed taħdem id f’id mal-Europol dwar dan il-każ.”

Omtzigt huwa r-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne. Fakkar kif l-Assemblea tal-Kunsill kienet tkellmet dwar sitt każi ta’ allegat korruzzjoni f’livelli għoljin. Dawn jinkludu l-Panama Papers, l-Electrogas, il-kwistjoni ta’ Hillman, il-bejgħ tal-passaporti, u l-kwistjoni tal-Vitals. Qal li għajr għall-każ tal-Egrant, il-maġistrati inkwerenti ma pproduċew ebda riżultati konkreti. Però fakkar li fil-każ tal-Egrant, l-inkjesta ġiet konkluża imma sentejn wara l-Avukat Ġenerali għadu ma ħa l-ebda azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-maġistrat.

Omtzigt qal li kien lest jagħti ċans lill-PM Robert Abela biex jieħu azzjoni. Però qal li issa l-falliment kontinwu biex jiġu investigati ċertu allegazzjonijiet ilu għaddej għal żmien twil wisq. Saħaq li huwa ċar li l-awtoritajiet Maltin mhumiex kapaċi jsolvu dawn il-każi.

Matthew Caruana Galizia qal lil Newsbook.com.mt li ma jafx x’qed jagħmlu l-investigaturi fil-maġġoranza tal-ħin tagħhom. Però fakkar li Keith Schembri u Konrad Mizzi għadhom ma tressqux il-Qorti.

Qal li l-korruzzjoni għandha għeruq fil-Montenegro, fid-Dubaj, fl-Italja, fl-Ażerbajġan, Ċipru, l-Iżvizzera, il-Ġermanja, Franza, is-Seychelles, fil-British Virgin Islands, u fil-Panama. Staqsa kif il-Pulizija ta’ Malta se tkun tista’ tinvestiga dawn il-postijiet kollha mingħajr il-vantaġġi li toffri JIT tal-Europol.

Il-Europol tiddeskrivi l-JITs bħala għodda effiċjenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Abela mhux interessat jiġġieled il-korruzzjoni – PN

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li l-PM Robert Abela mhuwiex interessat li jiġġieled il-korruzzjoni “li fniet lil Malta”. Fi stqarrija ffirmata minn Azzopardi, il-PN qal li l-Oppożizzjoni “tikkundanna l-impunità li Robert Abela jrid li tkompli tixxettel, impunità li issa bdiet tfisser telf ta’ impjiegi f’Malta.”

“L-Oppożizzjoni tinnota li għal darb’oħra l-uffiċjal tal-Kunsill tal-Ewropa inkarigat minn Malta ikkritika n-nuqqas tal-Gvern li jinvestiga każijiet serji ta’ korruzzjoni li jinvolvi nies fil-Gvern u politiċi mill-Partit Laburista, fosthom il-każ tal-Panama Papers, Vitals, bejgħ ta’ passaporti u Electrogas,” qal il-PN.