Omtzigt iċanfar avukat ta’ Yorgen Fenech li jitolbu jintervjeni mal-media

 Id-deputat Olandiż Pieter Omtzigt – ir-rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – ċaħad bil-qawwa talba li saret minn avukat ta’ Yorgen Fenech biex jgħinu jindirizza “kampanja infjammatorja u ta ‘preġudizzju mill-media” dwar il-klijent tiegħu.

https://twitter.com/PieterOmtzigt/status/1337764221883457538/

 “Issa ninduna li kont qiegħed taħdem b’nuqqas ta’ ftehim fundamentali tal-funzjoni tiegħi bħala mekkaniżmu ta’ sorveljanza internazzjonali,” kiteb Omtzigt f’risposta għal ittra mill-avukat Wayne Jordash. “Ir-rwol tiegħi huwa li nissorvelja t-twettiq tal-obbligi internazzjonali min-naħa ta’ Malta. It-tħassib tiegħi huwa marbut mal-eżistenza, ir-regolamentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tal-apparat tal-istat li huwa meħtieġ biex jissodisfa dawk l-obbligi. M’inix imħallef fil-każ ta’ ħadd, u wisq anqas avukat jew konsulent legali ta’ ħadd.”

Żied jgħid li kellu l-impressjoni li Jordash staqsieh jagħmel xi ħaġa “li assumejt li kienet ovvjament mhux xierqa,” meta staqsieh biex jintervjeni mal-media.

“Is-sur Fenech għandu t-tim legali tiegħu – li jinkludi lilek, avukat kriminali b’esperjenza kbira, li jien m’inix – biex jagħtih parir fuq dawn l-affarijiet u biex jagħmel l-ilmenti tiegħu mal-awtoritajiet domestiċi relevanti. Jien ma nagħmel parti mill-ebda tim u ma nagħti l-ebda parir legali,” tenna Omtzigt.

Fakkar li kuntrarju għal dak li kien qed jimplika Jordash, ma kellu l-ebda rwol x’jilgħab fuq il-kawża kontra Fenech, u fuq jekk l-eks kap eżekuttiv tat-Tumas Group kienx qed jirċievi smigħ xieraq.

“Jekk is-Sur Fenech jagħżel li ma jagħmilx dawn l-ilmenti quddiem l-imħallfin Maltin, ma jistax jistennieni nagħmel xogħolhom,” kompla jgħid.

Omtzigt ċaħad ukoll bil-qawwa li hu kien qed jaġixxi favur il-prosekuzzjoni, u fakkar li spiss ikkritika l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, u li evita li jagħmel kull kumment dwar il-kawżi li qed jinstemgħu.

Id-deputat Olandiż insista wkoll li Jordash ma ħallilux għażla ħlief li jirrispondi pubblikament.

“Qed issostni li qed inferra ż-żejt fuq il-fjamma f’sitwazzjoni li diġà infjammata, imma għall-kuntrarju ta’ dan, ir-referenza tiegħi għall-korrispondenza tagħna kienet minima kemm jista’ jkun, filwaqt li r-reazzjoni tiegħek issa hija pjuttost l-oppost,” kiteb Omtzigt. “Huwa ta’ dispjaċir li ġejt imġiegħel inkompli l-korrispondenza tagħna fil-pubbliku, iżda r-reazzjoni pubblika aggressiva tiegħek tagħmilha neċessarja biex niċċara l-pożizzjoni tiegħi f’ittra miftuħa.”

“Fl-aħħarnett, nispera li tista’ taqbel li m’għandi bżonn nieħu l-ebda lezzjoni dwar kif inwettaq il-mandat indipendenti u imparzjali tiegħi minn rappreżentant imħallas ta’ xi ħadd b’interess personali f’dawn il-kwistjonijiet,” ikkonkluda Omtzigt.