Omtzigt f’Malta biex jiltaqa’ mal-Prim Ministru u l-Gvern

Read in English.

Ir-rapporteur Olandiż Pieter Omtzigt jinsab f’Malta għal tlett ijiem ta’ laqgħat mal-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela u mal-Kabinett.

Dan ħabbru hu stess fuq Twitter, meta qal li mill-bieraħ filgħaxija sa nhar il-Ġimgħa, se jkun qed jiltaqa’ mal-Prim Ministru, mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, mal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, mal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u mal-ġurnalisti.

Omtzigt huwa r-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’Diċembru, huwa kiteb ittra miftuħa lil Robert Abela u Chris Fearne meta dawn kienu għaddejjin bil-kampanja tagħhom biex xi ħadd minnhom jilħaq mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru. Fiha wera t-tħassib tiegħu fuq is-sitwazzjoni f’Malta u l-intenzjoni li jżur Malta biex jiltaqa’ mal-Prim Ministru l-ġdid la dan ikun elett.

Kien qal li l-iskop ta’ din iż-żjara jkun biex jara kif il-Gvern bi tmexxija ġdida jkun beħsiebu jindirizza d-diversi kwistjonijiet marbutin mas-saltna tad-dritt f’Malta. Permezz ta’ din iż-żjara, Omtzigt ried jidentifika wkoll kif l-awtoritajiet Maltin se jikkomunikaw mal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa mbagħad jirrapporta lura lill-kumitati tal-Assemblea.