Ommijiet imħassba dwar id-dekriminalizzazzjoni tad-droga

B’reazzjoni għar-riforma fil-liġijiet tad-droga u dwar id-distinzjoni li għadha ssir bejn pussess u traffikar, ħames ommijiet urew it-tħassib tagħhom dwar il-white paper imressqa u li għandha twassal għar-riformi proposti.
Fost it-tħassib tagħhom l-ommijiet qalu ma’ Newsbook.com.mt li jekk il-bidla fil-liġi se titratta l-pussess tal-kannabis b’mod inqas riġidu u f’faxxa differenti mid-drogi l-oħra, dan se jkun ta’ detriment għall-ulied.
Huma qalu li tal-istess fehema huma Sedqa, Caritas u l-Prof. William Crano li lkoll jaqblu li minħabba li l-kannabis li hawn fis-suq hija iktar qawwija minn dik li kien hawn ftit ta’ snin ilu, din hija iktar perikoluża.
L-ommijiet jistaqsu wkoll għaliex min jinqabad fil-pussess l-ewwel darba jingħata biss twissija waqt li dawk li jinqabdu għat-tieni jew iktar drabi jingħataw l-għajnuna.
Saħqu li l-għajnuna għandha tingħata minnufih għaliex meta wieħed jinqabad l-ewwel darba mhux neċessarjament tkun l-ewwel darba tiegħu li jkun mess mad-droga.
Dwar pusses għall-użu personali, l-ommijiet semmew li persuna għandha ġġib quddiem għajnejha t-tbatija li jgħaddu minnha mhux biss min ikun jagħmel użu mid-droga, iżda wkoll il-ġenituri u l-familjari.