Ommijiet bi sfidi mentali se jkollhom dar għalihom f’Bormla

DOI: Pierre Sammut

Read in English.

L-ewwel proġett tal-iskema ta’ akkomodazzjoni speċjalizzata se jwassal biex ommijiet bi sfidi mentali li jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Fondazzjoni Richmond se jkunu jistgħu jirċievu l-appoġġ u s-servizzi meħtieġa fil-komunità, mingħajr il-bżonn li jinfirdu mit-tfal.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, li fiha ħabbar kif il-proġett tal-Fondazzjoni Richmond intgħażel wara sejħa ta’ interess li għaliha applikaw bosta NGOs.

Permezz tal-iskema ta’ housing speċjalizzat, il-Gvern qed jalloka binja f’Bormla li kienet abbandunata u li se tiġi rriġenerata għal dan il-proġett. Din il-binja se tissemma ‘Dar Terry’, għal omm bi sfidi ta’ saħħa mentali li bl-appoġġ tar-raġel u t-tlett itfal adulti baqgħet tgħix fil-komunità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant, spjegat li dan il-proġett se jindirizza l-akbar tħassib, kemm tal-ommijiet, kif ukoll tat-tfal, li b’hekk se jibqgħu jgħixu flimkien u mhux jiġu mifruda minn xulxin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali m’hemmx soluzzjoni waħda li tapplika għall-isfidi kollha, u għalhekk b’din l-inizjattiva l-ġdida se jintlaħqu aktar nies vulnerabbli li għandhom bżonn l-għajnuna. Il-proċess tal-għażla sar minn bord t’esperti mmexxi mill-antropologa Dr Rachael Scicluna, li qalet kif il-ħtiġijiet tas-soċjetà jinbidlu maż-żminijiet u li din il-politika ta’ housing speċjalizzat qed tikkunsidra dawn il-bidliet.

Il-pass li jmiss għal Dar Terry hu li jintgħażel id-disinn ta’ perit wara kompetizzjoni organizzata mill-Kamra tal-Periti, liema disinn se jkun ibbażat fuq il-bżonnijiet espressi mill-Fondazzjoni Richmond.