Read in English.
Iben il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qal li ommu kellha tinqatel biex jibdew jiskattaw ir-riżenji u l-prosekuzzjonijiet imma li għall-Ispeaker Anglu Farrugia dan ma kienx biżżejjed. Matthew Caruana Galizia qal li la ħadu grazzi u lanqas isem f’kamra fil-parlament.
Caruana Galizia kiteb dan fuq Facebook.
Kamra għall-midja fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu ssemmiet għal Daphne Caruana Galizia, imma opportunità għal unur simili fil-Parlament Malti ġiet rifjutata mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
It-talba biex tiġi mfakkra l-ġurnalista saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Farrugia, eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, insista li l-ebda parti mill-parlament għandu jiġi ddedikat lil xi persuna jew oħra. Dan biex fi kliemu tiġi evitata l-perċezzjoni li Kamra tar-Rappreżentanti ma kinitx imparzjali.
Delia ma qabilx ma’ dan u bagħat ittra lil Farrugia li fiha talbu jerġa’ jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu. Qal li l-Parlament ma jistax jibqa’ newtrali quddiem qtil ta’ ġurnalista.
Fir-risposta tiegħu lil Delia, Farrugia qal li d-deċiżjoni tiegħu kienet ibbażata biss fuq il-bżonn li tinżamm newtralità.
Qal ukoll li jekk sala kellha tissemma’ għal xi persuna, kienu jqumu mistoqsijiet dwar għalfejn nies oħra ma ngħatawx unur simili.
Tista’ taqra l-korrispondenza bejn Delia u Farrugia minn hawn: