Omm vittma fl-isparatura fil-Bataclan takkuża l-awtoritajiet Belġjani

Omm ta’ wieħed mill-vittmi fl-isparatura fil-Bataclan waqt l-attakki terroristiċi f’Pariġi f’Novembru li għadda qed takkuża lill-awtoritajiet Belġjani b’negliġenza u tinsab lesta li tressaq każ quddiem il-Qorti.
Dan wara li sar magħruf li l-maġġoranza tat-terroristi li wettqu l-attakk terroristiku f’Pariġi kellhom konnessjoni mal-Belġju.
Il-mara qed issostni li l-awtoritajiet Belġjani kellhom l-obbligu li jinfurmaw il-pajjiżi l-oħra u jwaqqfu lit-terroristi.
Binha, Valentin Ribet li kellu 26 sena, kien wieħed mill-130 persuna li nqatlu waqt l-isparatura fil-Bataclan fit-13 ta’ Novembru li għadda.
Il-maħbuba ta’ Valentin ukoll kienet intlaqtet iżda ngħatat il-kura u salvat.