Omm u iben jitkaxkru mill-mewġ minħabba tajer li jintefaħ

Omm u binha li kienu qed igawdu l-baħar fuq tajer li jintefaħ f’forma ta’ ċinju spiċċaw tkaxkru mill-mewġ f’baħar miftuħ lejn il-Messiku. Wara l-inċident l-omm wissiet sabiex tajers ta’ dan it-tip ma jintużawx fil-baħar iżda jinżammu biex jitgawdew biss f’pixxini.

Ġie spjegat kif waqt li l-omm u binha minn Florida kienu qegħdin igawdu btala, nefħu t-tajer deskritt bħala ġigantesk, telgħu fuqu u bdew jaqdfu ‘l barra f’baħar kalm. Spjegat li f’daqqa waħda qam ħafna riħ u l-kurrent kaxkarhom f’baħar fond, madwar mil ‘il bogħod mill-art. Damu ħerġin ‘il barra għal madwar siegħa.

F’intervista ma’ WFLA, l-omm spjegat li ssieltet sabiex tgħum bit-tajer b’kollox lejn l-art madanakollu l-kurrent kien tant b’saħħtu li ma kienx qed jirnexxielha tħalli l-ebda effett. Qalet li ppruvat tagħmel sinjal lil xi dgħajjes li kienu fil-madwar, madanakollu ħadd ma ta kasha.

Eventwalment, persuni fuq il-bajja indunaw li kien hemm xi ħaġa mhux tas-soltu u ċemplu 911. Kien hawn li ġew salvati minn dgħajsa tas-salvataġġ.