Omm u iben jisirqu flimkien 4 darbiet; hu jinħeles, hi le

Tliet persuni tressqu l-Qorti Kriminali lbieraħ wara li 2 minnhom instabu ħatja ta’ numru ta’ serqiet minn restorant fl-Imġarr, u oħra għadha qed tinżamm arrestata. Fosthom kien hemm omm u iben li wettqu 4 serqiet flimkien.

L-omm u l-iben, ta’ 34 sena u 19-il sena rispettivament, kienu akkużati bi 3 serqiet aggravati. Żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena tressaq il-Qorti wkoll bħala kompliċi għal dawn is-serqiet, għax kien qed isuq il-karozza.

Serq f’San Pawl il-Baħar u l-Imġarr; 3 arrestati

Fl-ewwel seduta, dik fejn tressqu l-omm u l-iben, huma ġew akkużati li użaw il-vjolenza u anke lil persuna oħra biex iwettqu s-serqa tagħhom. Skont il-Pulizija, dan ir-restorant serqu minnu 3 darbiet bejn is-17 ta’ Novembru u t-13 ta’ Diċembru tal-2018. Huma ġew akkużati wkoll li serqu xi ġojjellerija minn dar f’San Pawl il-Baħar f’lejlet l-ewwel tas-sena.

L-omm, li hi minn Ħal Lija, wieġbet mhux ħatja, u kienet imbikkma tul is-seduta kollha. Binha wieġeb ħati. Il-Qorti tatu ċans jerġa’ jikkunsidra, iżda huwa insista li hu ħati.

Ix-xhieda ewlenin kienu avviċinaw lid-Difiża u qalulha li huma lesti li jaħfru liż-żagħżugħ ladarba jrodd lura l-flus misruqa. In-nannu taż-żagħżugħ, li kien preżenti waqt is-seduta, qal li hu lest li jħallas il-garanzija taż-żagħżugħ, peress li l-akkużat m’għandux biżżejjed finanzi biex ikopriha.

Għaldaqstant, huwa ngħata ħelsien mill-arrest, bil-patt li jsir rapport ta’ qabel tinqata’ s-sentenza. Għandu jiffirma l-għassa kuljum, ma jdumx barra u jħallas depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €15,000.

L-avukatessa taż-żagħżugħ talbet lill-Qorti biex toħroġ divjet fuq ismu, sabiex ma jitlifx xogħlu, iżda l-Qorti rrifjutat din it-talba.

L-omm ukoll talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda ġiet irrifjutata minħabba li hija kienet qed titressaq il-Qorti fuq każ separat ukoll.

Iż-żagħżugħ l-ieħor wieġeb ħati li kien kompliċi f’dawn is-serqiet, u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiża b’4 snin.