Omm u iben jinfirdu fil-Libja imma jitlaqqgħu mill-ġdid fi Spanja

Read in English.

Tifel ta’ 11-il sena li kien qiegħed Malta waħdu ntbagħat Spanja sabiex jingħaqad m’ommu, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Ombudsman Parlamentari f’Malta u l-awtorità ekwivalenti Spanjola, El Defensor del Pueblo.

Dan ħareġ minn rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman u tressaq fil-Parlament f’April li għadda.

Ġie spjegat li f’Marzu tal-2019, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Spanjol talab l-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Malti b’rabta ma’ każ li kellhom ta’ omm u iben li spiċċaw mifrudin. Kellu jsir test tad-DNA sabiex jistabbilixxu li l-omm u l-iben verament jiġu minn xulxin.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman Spanjol ġie infurmat minn għaqda li taħdem mal-immigranti fi Spanja li tifel ta’ 11-il sena mill-Kamerun li kien ġie salvat u trasferit Malta, kien qed jgħid li huwa iben mara, li ġiet salvata ma’ żewġ ulied oħra wara vjaġġ min-Niġerja, lejn in-Niġer u l-Libja, u li issa, it-tliet membri ta’ familtu kienu qegħdin ifittxu ażil fi Spanja.

Il-minuri wera x-xewqa li jerġa’ jingħaqad ma’ ommu u ma’ ħutu, li kienu qegħdin jinżammu ġoċ-Ċentru ta’ Akkoljenza fi Spanja.

Minn xiex għaddiet il-familja

Skont in-noti ppubblikati fir-rapport tal-Ombudsman, mill-informazzjoni miġbura mill-NGOs u l-avukati tagħhom, jidher illi meta l-familja waslet il-Libja, din inqabdet minn grupp armat li ħadhom ġo faċilità qisha ħabs, fejn inżammu kontra r-rieda tagħhom għal xhur sħaħ ta’ tortura.

It-tifel spjega li familtu ‘nbiegħet’ meta waslet u nżammet ġo dar li kienu joqogħdu wisq nies fiha u ma kellhiex twieqi. Qal li kien jara n-nies jiġu ttorturati ta’ kuljum, u nisa u rġiel jinxtraw għax-xogħol daqslikieku kienu mogħoż.

L-omm semmiet li meta ppruvaw jaħarbu, binha qabeż ix-xatba, imma hi u wliedha bniet baqgħu lura. Eventwalment inqabdu mill-gwardjani li ħaduhom lura l-ħabs u ttorturawhom talli ppruvaw jaħarbu.

It-tifel irnexxielu jsalpa lejn l-Ewropa u ġie salvat mill-baħar u trasferit lejn Malta.

Proċess twil ta’ verifika

Skont id-dokumenti provduti, jidher li l-fergħa Maltija u Spanjola tal-UNHCR kienu qegħdin isegwu l-każ, u rriżulta li t-tifel ikkuntattja lil NGO Spanjola biex jerġa’ jitlaqqa’ ma’ familtu fi Spanja.

Waqt il-laqgħa tagħha mar-rappreżentanti tal-UNHCR, l-omm qalet li tilfet iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ binha meta qasmu l-fruntiera tal-Kamerun. Minħabba d-diffikultajiet biex jerġa’ jinħareġ dan iċ-ċertifikat, hija kienet lesta li jsiru testijiet tad-DNA sabiex turi li dan it-tifel ta’ 11-il sena huwa tassew binha.

Meta t-tifel ġie eżaminat mis-servizzi tas-saħħa, u sarulu xi mistoqsijiet mill-AWAS (l-Aġenzija tal-Ħarsien ta’ Dawk li Jfittxu l-Ażil), huwa qal li ma jafx fejn spiċċat ommu. Wara xi xhur, ġie avviċinat minn social worker li qaltlu li ommu trid tagħmel kuntatt miegħu. L-AWAS imbagħad għamlet talba sabiex l-omm u binha jitlaqqgħu mill-ġdid permezz tar-Regolamenti ta’ Dublin, filwaqt li l-awtoritajiet Spanjoli wkoll bdew proċess ta’ reunifikazzjoni f’isem l-omm.

Dan il-proċess normalment idum minħabba t-testijiet tad-DNA.

Flimkien mill-ġdid

Ġie stabbilit li l-kampjun għad-DNA kien ittieħed, imma kien għadu f’Malta sakemm tingħata awtorizzazzjoni biex jintbagħat Spanja. Għaldaqstant, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ħa l-każ għand is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern u l-Kap Eżekuttiv tal-AWAS.

L-AWAS ikkordinat it-trasferiment tat-tifel u t-tlaqqigħ m’ommu u ma’ ħutu. It-test tad-DNA wera li t-tifel verament kien iben il-mara, u sa nofs Lulju, huwa ttieħed fi Spanja ma’ social worker mill-AWAS u ltaqa’ ma’ familtu mill-ġdid.

It-tifel u ommu ngħataw sapport psikosoċjali minħabba t-trawma li esperjenzaw meta kienu l-Libja.